Anzjan ta’ 62 li kien qed isuq vettura Suzuki ttieħed l-Isptar għall-osservazzjoni wara li iktar kmieni llum għall-ħabta tal-10:15 a.m. seħħ inċident bejn numru ta’ karozzi fi Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li primarjament kienet seħħet ħabta bejn żewġ vetturi — vann Vauxhall misjuq minn raġel ta’ 22 sena residenti l-Gudja, u vann Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti San Pawl il-Baħar. Is-sewwieq tal-Vauxhall laqat il-vetturi l-oħrajn li kien hemm fil-viċinanzi: vettura Kia Sportage li kienet ipparkjata, Suzuki Swift misjuqa minn raġel ta’ 62 residenti Birkirkara, u Citroen C3 misjuqa minn raġel ta’ 72 sena residenti n-Naxxar.
Fuq il-post issejħu membri tas-CPD kif ukoll tim mediku għall-assistenza meħtieġa. It-tim tas-CPD ikkonfermaw li ma kien hemm l-ebda persuna maqbuda fil-vetturi.
Minn informazzjoni li ngħatat lil dan is-sit, jidher li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u li l-ħabta ma kinitx ta’ natura gravi. Għaldaqstant, it-triq tinsab miftuħa.