Il-General Workers’ Union tinsab dispjaċuta u turi solidarjetà mal-għalliem Stefan Vassallo filwaqt li tfaħħar il-mod kif il-kap tal-iskola rreaġixxa għat-talba tal-ġenituri li talbu li jibdlu l-klassi ta’ binhom minħabba li l-għalliem huwa omosesswali.
“Minkejja li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea biex iddaħħlu d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+, kif ukoll minkejja l-edukazzjoni li tingħata f’pajjiżna għadna nisimgħu b’sitwazzjonijiet bħal din. Qegħdin naraw sitwazzjoni ta’ ġenituri li qegħdin jeskludu lil binhom milli jitħallat ma’ nies differenti u minflok jitrabba b’ċerta stigma lejn uħud.”
Il-GWU żiedet tgħid li, “Persuna qatt ma tista’ tagħżel li tiddiskrimina jew tippreġudika lil ħaddieħor a bażi tas-sess jew orjentazzjoni sesswali. Dan huwa att illegali. Dan kollu juri li għad fadal x’naqdfu, u jeħtieġ li tingħata aktar edukazzjoni, billi nibdew mit-tfal minn età żgħira. Ninfurmawhom dwar id-diversità u l-kumplessità fid-dinja madwarhom u fuq kollox dwar il-ġid li joħroġ mill-inklużjoni.