“Malta lesta tagħmel il-parti tagħha. Ninsabu fiduċjużi li l-azzjonijiet li qed nimplimentaw bħala parti mill-istrateġija biex tonqos id-dipendenza minn fuq il-karbonju, għandhom iwasslu għal newtralità klimatika sal-2050.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima – COP27 – f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu u li għaliha qed jattendu bosta mexxejja dinjin.
Il-Prim Ministru beda biex jgħid li biex id-dinja tindirizza t-tibdil fil-klima jeħtieġ impenn u ambizzjoni. Huwa spjega kif il-preżenza ta’ Malta fil-COP tafferma l-impenn ta’ pajjiżna li jonora l-Ftehim ta’ Pariġi biex iż-żieda tat-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs filwaqt li Malta hija impenjata wkoll li tagħmel il-parti tagħha fil-programm ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea fil-pakkett magħruf bħala Fit for 55, li jnaqqas l-emmissjonijiet biex jiġi indirizzat it-tisħin globali.
Dr Abela saħaq li rridu nimplimentaw miżuri li jindirizzaw tassew it-tibdil fil-klima billi ndaħħlu politika fiskali li tinċentiva l-investiment fl-ekonomija diġitali u tinbena politika b’saħħitha favur l-użu ta’ enerġija alternattiva.
Huwa ħabbar ukoll li bħas-sena l-oħra fi Glasgow, Malta se tkun qiegħed tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali dwar il-Klima.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif apparti li dan il-fenomenu qed jolqot lid-dinja kollha, pajjiżi żgħar għandhom l-aspetti partikolari tagħhom tal-impatt mit-tibdil fil-klima.
Saħaq li dan huwa l-każ anki jekk huma l-inqas pajjiżi li kkontribwixxew għall-emmissjonijiet fl-arja.
Hawn semma kif irridu nilqgħu b’mod ugwali iżda b’mod differenti u partikolari għall-impatti tal-pajjiżi u kien hawn li semma kif Malta tista’ sservi ta’ post li fiha tiġi xprunata teknoloġija ġdida li tkun konformi mal-ekonomija l-ħadra.
Il-prim ministru qal li pajjiżna qed jagħti l-għajnuna lil gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw billi jagħti l-esperjenza tiegħu dwar prattiċi sostenibbli fosthom dwar l-immaniġjar tal-ilma.
Spjega wkoll li pajjiżna se jagħti boroż ta’ studju għal studenti minn dawn il-gżejjer biex jistudjaw dwar temi marbuta mat-tibdil fil-klima fl-Università ta’ Malta.
Irrimarka li Malta qed tappoġġja pajjiżi oħra biex ukoll jilħqu l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħhom filwaqt li riċentament bagħtet assistenza medika lill-Pakistan, pajjiż li riċentament intlaqat minn għargħar qawwi.
Il-Prim Ministru qal li l-għoli fil-livell tal-baħar riżultat tat-tibdil fil-klima m’għandux jaffettwa drittijiet li gżejjer u pajjiżi bil-kosta għandhom bħala parti mill-ġurisdizzjoni marittima. Tenna li l-qalba favur l-ambjent għandha benefiċċji komuni fosthom arja aktar nadifa u provvista tal-ikel għal kulħadd.
Il-Prim Ministru temm jgħid li din il-qalba għandha ssir għan-nies u l-futur tagħna lkoll.
Aktar qabel, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza laqgħa ta’ livell għoli tal-COP27 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ilma fejn spjega fuq prattiċi mħaddma f’Malta favur il-produzzjoni sostenibbli tal-ilma.