Xahar wara l-akbar rebħa elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna, issa li l-irwoli mogħtija mill-Prim Ministru Robert Abela qabdu jindraw, dan is-sit tkellem ma’ wieħed mill-uċuħ ġodda f’dawn l-irwoli rispettivi. L-orizzont tkellem mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li ngħata fiduċja biex imexxi dan il-Ministeru wara perjodu qasir bħala membru parlamentari fil-leġiżlatura preċedenti.
L-ordni tal-ġurnata trid tkun ġustizzja fi żmien raġonevoli
Attard qalilna li Malta Flimkien ma kinitx sempliċi għajta ta’ kampanja elettorali, iżda l-mod li bih ser imexxi dan il-gvern. Staqsejnieh dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-fatt li l-Prim Ministru afda fih Ministeru li huwa meqjus fost l-aktar għadmiet ebsin minħabba diversi lmenti anke minn naħa tal-poplu b’mod speċjali fejn jidħol dewmien fil-qrati. Il-Ministru qalilna li hu sodisfatt u grat ħafna u ta l-kelma li din il-fiduċja se jroddha lura b’aktar xogħol. Spjega li tul din il-leġiżlatura l-gvern irid jibqa’ viċin in-nies, jismagħhom u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex dan il-pajjiż ikompli jissaħħaħ kemm mil-lat tal-governanza u s-saltna tad-dritt, kif ukoll f’kull qasam ieħor biex verament pajjiżna jkollu futur sabiħ.
Dwar il-prijorità fil-ħdima tiegħu, Attard qal li se jkun qiegħed jibda minnufih biex jara li l-proposti elenkati fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li jinkludu riformi u tibdiliet meħtieġa, jiġu implimentati. “L-ordni tal-ġurnata trid tkun ġustizzja fi żmien raġonevoli, għaldaqstant il-pjan tagħna għall-ġustizzja ser ikompli bil-proċess ta’ mmodernizzar u bidliet legali li jagħmlu l-proċessi iqsar u anqas ripetittivi”, qalilna Attard.
Il-Ministru kompla li huwa responsabbli kemm mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja, kif ukoll mil-lat leġislattiv. L-aġġornamenti tal-liġijiet huma daqstant importanti daqs l-amministrazzjoni, biex b’hekk jirriflettu t-tibdil li jkun qiegħed isir fis-soċjetà, imma wkoll biex tkompli tissaħħaħ l-għodda neċessarja biex ikun assigurat li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u ssir fil-ħin. Huwa wieġeb b’dan il-mod meta mitlub jikkummenta dwar il-fatt li l-amministrazzjonijiet preċedenti ma rnexxilhomx jagħmlu t-tibdiliet li l-poplu ilu jitkarrab għalihom fosthom il-bżonn li jonqos id-dewmien fl-iżvolġiment tal-każi fil-qrati u n-nuqqas ta’ riżorsa umana fil-proċess.
Il-perċezzjoni li meta tidħol fil-qorti taf u meta toħroġ ma tafx
Tkellimna mal-Ministru dwar l-perċezzjoni li fil-qorti meta tidħol taf u meta toħroġ ma tafx u dwar x’hemm bżonn biex il-qorti ssir aktar user friendly. Dwar dan il-Ministru wieġeb li bħala partit u issa bħala gvern aċċertaw li l-pjan ta’ ħidma jkun jindirizza dawn ir-realtajiet permezz ta’ proposti li jinkludu ż-żieda ta’ numru tal-ġudikatura, riformi fil-kamp tal-inkjesti maġisterjali, is-sistema tal-kumpilazzjoni u r-rinviji fost l-oħrajn. Tenna li huwa determinat li jara li jitwettqu dawn ir-riformi u jintervjeni fejn hemm bżonn biex jassigura li qed jiġu indirizzati l-problemi amministrattivi, dejjem b’rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-ġudikatura, li hija d-duttrina fundamentali li fuqha hija bbażata s-sistema legali tagħna. “Nassigura lil kulħadd li d-deċiżjonijiet se jittieħdu, u r-riformi se jsiru”, saħaq Attard.
Żieda fil-Ġudikatura… aptit għal aktar riformi fost l-istakeholders
Fl-aħħar manifest tal-Partit Laburista hemm indikat li Gvern ġdid Laburista se jkun qiegħed jara li jsiru riformi neċessarji biex struttura li żżid l-effiċjenza u tnaqqas id-dewmien. Tlabna lill-Ministru jispjegalna dwar kif jista’ jsir dan u kemm hu stmat li jieħu żmien dan il-proċess ta’ ristrutturar. Huwa wieġeb li bdiet mill-ewwel il-ħidma biex ikompli jibni fuq it-tajjeb li sar fil-leġiżlatura li għaddiet, fejn qed jara li jkompli jiżdied in-numru tal-ġudikatura. Dan il-proċess ser ikompli għaddej bil-għan li jibqa’ jonqos in-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati tagħna. Hemm ukoll ippjanati riformi fil-kamp tal-inkjesti maġisterjali bil-ħolqien ta’ sezzjoni
fi ħdan il-maġistratura li tispeċjalizza fl-inkjesti. Din is-sezzjoni jkollha esperti tekniċi, persuni legali u uffiċjali amministrattivi sabiex l-inkjesti jkunu jistgħu jsiru b’mod aktar professjonali u fl-anqas żmien possibbli. Riforma oħra għandha twassal biex isir tibdil fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u rinviji tal-proċessi kriminali b’mod illi jitqassar sostanzjalment iż-żmien meħud f’dan l-istadju tal-proċess kriminali.
Attard spjega li hemm ħafna xi jsir però f’dawn l-ewwel jiem fil-Ministeru qiegħed jagħraf li hemm l-aptit neċessarju fost l-istakeholders biex inkomplu nirriformaw fejn huwa neċessarju.
Se naraw kif ngħinu koppji li ma jifilħux għat-toqol tal-ġustizzja
Fl-aħħar jiem dan il-ġurnal ippubblika numru ta’ sitwazzjonijiet fil-qrati tal-familja fejn l-ulied jispiċċaw vittmi minħabba l-piż tat-tariffi fil-qorti u oħrajn saħansitra jispiċċaw ostakolati milli jibdew paġna ġdida . Issib koppji li minħabba tariffi fejn jidħlu każi ta’ separazzjonijiet jispiċċaw ma jaslux għal qbil, iżda jibqgħu mkakkmin f’dan id-disgwit minħabba li xi ħadd minnhom, jew it-tnejn li huma ma jkunux jifilħu għall-ispejjeż. Dwar dan il-Ministru qalilna li konoxxenti ta’ din ir-realtà, u għalhekk bħala gvern se jkunu qed iħarsu lejn din is-sitwazzjoni biex jaraw kif jistgħu jgħinu koppji li jkunu għaddejjin minn dawn l-isfidi.
Investiment fil-qasam diġitali
Rigward id-diġitalizzazzjoni fil-qrati qalilna li fil-livell nazzjonali, Malta qiegħda tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura diġitali meħtieġa u tikkonsolida l-qafas leġiżlattiv meħtieġ biex tiġi stabbilita bħala attur ewlieni fix-xena diġitali. Fi ħdan il-ġustizzja, dan l-investiment diġitali jsib il-qafas tiegħu fil-pjan strateġiku għas-settur xprunat mill-kumitat ta’ tmexxija tal-istrateġija għall-ġustizzja diġitali. Din l-istrateġija hija xhieda ħajja ta’ kemm dan il-Gvern qiegħed jinvesti u qiegħed jaħdem fil-qasam tal-Ġustizzja, tal-governanza u s-Saltna tad-Dritt.
“Jien nibqa’ kommess li nkompli nkun ta’ spalla għall-kumitat biex flimkien noħolqu mezzi alternattivi biex inkomplu niddiġitalizzaw is-sistema tal-ġustizzja tagħna, filwaqt li nagħmluha aktar aċċessibbli għal kull ċittadin. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu verament nibqgħu fuq quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistema tal-ġustizzja effettiva u effiċjenti li hija aċċessibbli għal kulħadd”, temm jgħidilna l-Ministru.