Laqatni ferm l-appell li għamel fl-aħħar jiem is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres lill-mexxejja tad-dinja. Nemmen li huwa messaġġ tassew f’waqtu biex dawn ikollhom il-kuraġġ li jbidlu fejn hemm bżonn biex inkunu nistgħu ngħixu f’dinja aħjar. Iċ-ċirkustanzi tal-lum jitolbu xejn inqas minn dan.
Guterres kien qed jitkellem f’Londra fl-okkażjoni tat-tmenin anniversarju meta fl-istess post tmenin sena ilu kienet iltaqgħet għall-ewwel darba l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u saret ukoll l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa fakkar fis-sehem kbir li kellu r-Renju Unit tmenin sena ilu, kif kien għadu ħiereġ imfarrak mit-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija, biex flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra twaqqfet in-Nazzjonijiet Uniti.
Illum, aktar minn qatt qabel, għandna bżonn niżguraw rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali u niddefendu il-koperazzjoni multilaterali permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. Ftehimiet ta’ din ix-xorta, stqarr Guterres huma rebħiet li jwasslu biex jonqsu l-gwerer, jonqsu il-faqar u l-ġuh fid-dinja.
Naqbel bis-sħiħ ma’ dak li stqarr Guterres li l-ispirtu ta’ tmenin sena ilu li wassal għat-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti għadu rilevanti sal-lum. In-Nazzjonijiet Uniti twaqqfet fl-għatx li kien hawn għall-paċi fid-dinja wara l-ħerba li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija. Malta taqbel bis-sħiħ mal-pożizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti favur il-paċi, kontra l-kunflitti u li għandu jkollna rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali. Malta fuq kollox hija kontra l-politika ta’ min hu l-aqwa jħawwel.
Ir-rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali illum huwa kruċjali aktar minn qabel għaliex b’dak li qed naraw iseħħ bħalissa f’inħawi differenti tad-dinja qed jixhed kemm in-nuqqas ta’ dan ir-rispett qed iwassal għal kunflitti mdemmija u perikli kbar għall-paċi dinjija.
Kienu tassew sinifikanti r-rimarki li għadda Guterres dwar l-isfidi li għaddiet minnhom in-Nazzjonijiet Uniti matul is-sena li għaddiet. Huwa qal li l-2025 kienet sena ta’ sfidi kbar għal din l-organizazzjoni u għall-kooperazzjoni internazzjonali. Guterres qal li l-għajnuna lill-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonn tnaqqset, kibru l-inugwaljanzi, inkisret il-liġi internazzjonali, żdiedu l-attakki fuq is-soċjetà ċivili, inqatlu ġurnalisti u saħansitra ħaddiema tan-Nazzjonijiet Uniti inqatlu jew ġew mhedda. Waqt dan kollu, forzi qawwijin ħadmu biex titħarbat il-koperazzjoni internazzjonali.
Ta’ min wieħed jirrifletti wkoll fuq dak li rrimarka Guterres fid-diskors tiegħu meta rrefera għall-perikli li qed tiffaċċja d-dinja tagħna illum. Huwa preokkupanti ferm il-fatt li l-infieq militari globali issa laħaq is-somma enormi ta’ 2.7 triljun dollaru u fl-istess waqt, il-qliegħ mill-bejgħ tal-fossil fuels, iż-żejt li huwa kaġun tal-ħsara kbira lill-klima dinjija, qed ikompli jikber għall-dawk li jipproducuh.
Hekk kif iċ-ċentri tal-poter fid-dinja qed jinbidlu, in-Nazzjonijiet Uniti jehtieg li terga’ tinghata l-mezzi biex tibni futur li jkun aktar ġust u inqas instabbli. Ghalhekk l-ħtieġa li din l-organizazzjoni internazzjonali taġġorna ruħha biex twieġeb aħjar għall-isfidi tal-lum.

