Tuesday, November 26, 2024

JEĦTIEĠ TIBDA TINVESTI FIL-FUTUR TIEGĦEK!

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu għadu kemm ittella’ t-tielet avveniment – Malta Sustainability Forum 2022 iffokat fuq it-tema Sostenn – Għada – Illum li jiffoka fuq is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet u x’passi wieħed jista’ jieħu biex igawdi livell ta’ għajxien tajjeb waqt l-irtirar. 

Matul dan l-avveniment taw ħarsa lejn is-sejbiet ewlenin mill-ewwel stħarriġ dwar l-impenn tal-pensjonijiet, li ġie eżaminat waqt diskussjoni bejn diversi msieħba soċjali lokali. Esperti lokali u barranin qasmu l-għarfien tagħhom dwar frameworks tal-pensjonijiet implimentati b’suċċess, li naqqsu d-distakk fil-pensjoni barra l-pajjiż u li jistgħu jkunu vijabbli għal Malta. Tinħass il-ħtieġa li nibdew indaħħlu kultura fost iż-żgħażagħ tagħna li jibdew jinvestu fil-pensjonijiet tagħhom minn kmieni.  

Forsi wieħed jistaqsi għaliex għandek tinvesti fi skema ta’ pensjoni meta diġà qed twarrab għall-pensjoni permezz tas-sigurtà soċjali? It-tweġiba hija sempliċi. Għax għalkemm il-pensjoni li qed twarrab għaliha se toħodha, u dil-pensjoni qiegħda tiżdied maż-żmien ukoll, madankollu d-daqqa drastika li jkollok fid-dħul tiegħek se twassal biex ma tibqax tgħix fil-livell ta’ għajxien u ħajja diċenti li tkun qed tgħix. Sakemm ma jkollokx ukoll id-dħul tal-investiment l-ieħor li tkun għamilt.  

Malta m’għandnix il-kultura li nissieħbu fi skemi ta’ pensjonijiet privati barra s-Sigurtà Soċjali. Għandna l-idea li ma naqbdux inwarrbu xi ħaġa żgħira fi skema ta’ pensjoni privata biex insibuha ta’ benefiċċju addizzjonali mal-pensjoni tagħna. Jekk tmur fuq ħaddiem li jkun għadu dieħel jaħdem u ssemmielu l-għażla ta’ skema ta’ pensjoni se jwieġbek li għad fadallu ħafna snin. 

Il-GWU kienet ipproponiet fost affarijiet oħra li din l-iskema tkun fil-forma ta’ automatic opt-in, volontary opt-out, biex iż-żgħażagħ jibdew jinvestu fil-pensjonijiet tagħhom. Il-GWU ipproponiet ukoll biex dawk il-ħaddiema li jkunu għalqu 61 sena, li jkollhom 40 sena bolol u joħorġu bil-pensjoni, ikunu jistgħu jaħdmu ftit sigħat mingħajr ma jitilfu l-pensjoni. 

Il-GWU qed tippromwovi wkoll is-sistema ta’ occupational pension scheme fil-postijiet tax-xogħol li għandha tkun ta’ benefiċċju addizzjonali ma’ dak li diġà jkollok. Fiha jikkontribwixxi kemm il-ħaddiem kif ukoll min iħaddem. Il-Gvern ukoll offra inċentivi finanzjarji għal din l-iskema permezz ta’ tax credits. Skema li diġà bdiet tiġi implimentata f’xi ftit postijiet tax-xogħol, madankollu hemm bżonn tidħol aktar. 

Minn studji li saru barra minn Malta, per eżempju fl-Ingilterra u New Zealand, wara li ddaħħlu dawn l-iskemi fil-pajjiż b’mod volontarju, maż-żmien inbidlu għal dawk ta’ automatic enrollment, volontary opt-out. Jiġifieri kull ħaddiem irid jidħol awtomatikament fi skema ta’ pensjoni biex jassigura l-futur tiegħu, mbagħad jagħżel hu jibqax jew joħroġx minna.

Sfortunatament meta inti tkun żgħir ma tinkwetax dwar il-pensjoni iżda mbagħad meta tibda tikber ikun tard wisq biex tikkontribwixxi. 

Hemm bżonn li l-ħaddiema jingħataw aktar informazzjoni edukattiva filwaqt li jiġu offruti aktar għażliet ta’ skemi għal kompetizzjoni b’saħħitha. 

Kif jgħid il-Malti, bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra. Jekk tikkontribwixxi ftit ħafna minn ta’ età żgħira tista’ tagħmel differenza raġjonevoli fil-pensjoni tiegħek ‘il quddiem.

Sport