Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt meta kont għadni żgħir u bħal kull tifel fil-Brażil kont nilgħab fit-toroq, tista’ tgħid minn filgħodu sa filgħaxija. Minn hemm ‘l hemm qatt ma waqaft u kelli ħolma, dik li nsir plejer professjonali, xi ħaġa li niżżiħajr ‘l Alla saret realta’ wkoll.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Sirens FC.
Mat-tim minn San Pawl il-Baħar lgħabt sentejn. Fl-ewwel sena tiegħi, it-tim kien fil-Kampjonat Premier u konna verament kuntenti bħala plejers li konna qed nikkompetu fl-ogħla diviżjoni Maltija. Konna wkoll ipparteċipajna fil-UEFA Europa League fejn lgħabna kontra CSKA Sofia u barra minn darna konna ġejna 2-1. Naħseb kien tragward sabiħ li minkejja li ġejna eliminati tajnihom logħba kontra tim li nafu kemm hu kkwotat fil-Bulgarija.
Kif tiddeskrivi t-tim preżenti tiegħek Gżira United FC?
Issa ili nilgħab ma’ Gżira United FC sa mis-sena 2021, iġifieri dalwaqt nagħlaq erba’ snin. Ninsab kuntent bl-opportunitajiet li qed ituni dan il-klabb speċjalment fil-logħbiet internazzjonali. Niftakar il-logħba kontra Dudelange tal-Lussemburgu fil-UEFA Europa Conference League fejn konna għaddejna minn fuqhom bi skor aggregate ta’ 3-2.
X’inhuma l-objettivi tiegħek għal dan l-istaġun?
L-ewwel objettiv tiegħi hu dak li ngħin lit-tim billi niskorja l-gowls u anke nagħti xi assists lejn sħabi. Irrid dejjem nagħti l-mija fil-mija tiegħi fil-grawnd filwaqt li nieħu pjaċir nilgħab għax dan il-fattur hu ferm importanti wara kollox.
X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq il-kowċ ta’ Gżira United Giovanni Tedesco?
Lil mister Giovanni Tedesco diġa’ kont nafu għax ħdimt miegħu meta kien ma’ Sirens FC. Hu kowċ mill-aqwa tant li jipprova jieħu l-aqwa minna bħala plejers. Jien nieħu gost naħdem miegħu u ġieli jkolli ċans nitkellem miegħu. Hu kien plejer mill-aqwa meta kien jilgħab fis-serie A Taljana. Nittama li jkollna staġun mill-aqwa miegħu u li naslu għall-objettivi li hu poġġa bħala kowċ.
U x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kumitat ta’ Gżira United FC immexxi mill-president Sharlon Pace?
Jien għandi relazzjoni tajba ħafna mal-membri kollha tal-kumitat. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom tal-fiduċja li dejjem tawni tul l-erba’ snin li ili nilgħab mal-Maroons.
X’taħseb dwar il-livell tal-futbol Malti?
Jien nemmen li dejjem qed narah jitjieb sena wara l-oħra. Ovvjament dejjem hemm lok ta’ iktar titjib speċjalment għax hawn plejers ta’ ċertu livell. Dan l-istaġun hu kampjonat ferm partikolari fejn kull logħba naraha qisha finali speċjalment f’dan ir-round tal-għeluq.
U kemm int kuntent bil-grawnds fejn jintlagħab it-360 Sports Malta Premier?
Personalment jien nippreferi l-art naturali u għalhekk meta l-logħbiet isiru fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u anke t-Tony Bezzina Stadium żgur li nieħu gost. Minkejja kollox, jekk tkun plejer tal-futbol tajjeb, int kapaċi tilgħab kemm fuq art naturali kif ukoll f’dik sintetika.
Kif qed tarah il-futur tiegħek fil-logħba tal-futbol?
Għad fadalli ħafna snin ta’ futbol milgħub quddiemi. Jien dejjem nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u ta’ saħħti sabiex dejjem inkun fl-aqwa forma possibbli. Jien nitħarreġ ukoll b’serjeta’ kbira sabiex dejjem nikkonvinċi lill-kowċ biex nilgħab fl-ewwel ħdax.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.
Jekk għandek ħolma, ara li twettaqha billi tiġri warajha. Taqtax qalbek, xi kultant nagħmlu deċiżjonijiet li mhux dejjem ikunu faċli iżda jekk taħdem għalihom, tasal fejn tixtieq. Jien hekk ġrali għax dan kollu jsarraf f’kisbiet, mumenti memorabbli u ħafna sodisfazzjon!