Friday, October 24, 2025

‘Jekk għandek passjoni, segwiha … u jekk tista’, għaddiha lil ħaddieħor … hekk biss tibqa’ l-arti ħajja’ – Soke Bill Cox

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Soke Bill Cox hu wieħed mill-ismijiet l-aktar rispettati fid-dinja tal-arti marzjali tista’ tgħid mondjali. Minkejja l-profil internazzjonali tiegħu, kien immedjatament ċar li Cox ma jġorrx titli b’kumbinazzjoni filwaqt li ltqajna ma’ bniedem li għandu saqajh mal-art. Bil-mod kalm tiegħu, jispira rispett u fiduċja bħal għalliem li qatt ma jieqaf jitgħallem hu stess.

Hu stess jgħidli b’simpatija:

“Ilni niġi f’Malta u Għawdex ħafna drabi. Dawn il-gżejjer għandhom post speċjali f’qalbi. Hawnhekk, kull darba nħossni qisu d-dar. Xemx, baħar u fuq kollox, nies b’qalb tad-deheb. “Sunny place, sunny people, heart of gold!”

Minn mindu żar lil Malta għall-ewwel darba għal seminar ta’ Spirit Combat, Cox sab ruħu jrid jiġi għal darb’oħra fil-gżejjer Maltin. Kull żjara saret esperjenza spiritwali kemm għat-tagħlim tiegħu kif ukoll għall-istudenti lokali.

Meta staqsejtu x’jifhem bis-suċċess, tbissem u ħares ’il bogħod, bħallikieku qiegħed jiftakar ħajtu kollha f’daqqa:

“Is-suċċess tiegħi? Hu biżżejjed għax ma nħobbx inkejjel is-suċċess bil-flus jew bit-titli, imma b’dak li tħalli warajk iġifieri l-legat. Jekk xi darba xi ħadd jgħidli li jien għentu jemmen fih innifsu, dak għalija hu rebħa akbar minn kull kampjonat.”

Cox jemmen li l-arti marzjali mhix biss sistema ta’ ġlied kif ħafna jqisuha. Għalih, hija passjoni, dixxiplina u triq ta’ ħajja.

“Il-passjoni hu l-fjuwil li jmexxini,” jkompli jgħidli. “Tgħallmek tagħti kollox kultant literalment ‘bl-id u bis-sieq’. Ma tistax tgħallem b’mod mekkaniku iżda trid tgħallem bil-qalb.”

Matul is-snin, il-kariżma tiegħu għamlitu mexxej naturali, mhux biss bħala Soke, iżda bħala figura li tispira ġenerazzjonijiet ġodda.

Soke Bill Cox tkellem b’għożża kbira dwar ix-xogħol li għamel fil-gżejjer Maltin:

“Meta nħares lura lejn il-weekends li qattajt f’Għawdex, nista’ ngħid li għamilt xogħol fantastiku. Mhux biss għax organizzajna seminars ta’ livell għoli, imma għax rajt il-bidla f’nies reali. Tfal, adulti, ġenituri, kollha ħadmu flimkien fi spirtu ta’ rispett u determinazzjoni.”

Fil-ħin li qattajna flimkien, stajt nara għajnejh jixegħlu meta jitkellem fuq l-istudenti tiegħu. Ma jitkellimx fuq trofej jew ċinturini, imma fuq nies li kibru bħala individwi.

Għalih, kull seminar huwa esperjenza umana.

“Aħna ma nħarrġux biss ġellieda jew atleti, imma nibnu karattri. Meta tara student jitgħallem jirrispetta lil sħabu, tgħid: iva, dan huwa l-veru skop tal-arti marzjali.”

Meta s-suġġett waqa’ fuq it-tfal, leħnu sar aktar serju. Hu tassew konvint li l-arti marzjali tista’ tkun soluzzjoni għal ħafna mill-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ tal-lum.

“It-tfal illum għandhom ħafna diffikultajiet,” jgħidli bi tħassib liema bħalu. “Xi wħud għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD, oħrajn jgħaddu minn perjodi ta’ sfidi emozzjonali jew soċjali. Ħafna jqattgħu ħin kbir fuq il-computer, it-tablet, jew il-mowbajl. Imma meta jidħlu fil-dojo, il-mentalità tagħhom tinbidel.”

Għal Cox, il-progress tat-tfal fl-arti marzjali hu miraklu bil-mod tiegħu stess.

“Narahom jitjiebu bil-mod: il-mod kif jitkellmu, kif jisimgħu u kif jirrispettaw. Huma jsiru aktar kalmi, aktar kunfidenti. Il-progress tagħhom huwa fantastiku. Hekk għandha tkun il-missjoni tagħna mhux biss li ngħallmu l-ġlied, imma li nibnu persuni.”

Kif jgħid hu stess, “kowċ tajjeb jagħti teknika, imma mexxej veru jagħti direzzjoni fil-ħajja.”

Kull diskors ma’ Soke Cox inevitabbilment jdur fuq il-filosofija tal-istil tiegħu, Spirit Combat International.

“Spirit Combat’ hija arti ħajja,” jgħid b’konvinzjoni. “Mhix xi ħaġa li tgħallimtha darba u tħalliha. Il-ħajja tinbidel, u l-arti trid tinbidel magħha. Inżommu t-tradizzjoni, iva, imma nirranġawha għaż-żmien modern. Dak hu s-sigriet li jżomm l-arti ħajja.”

Il-metodu tiegħu jdaħħal fih effiċjenza, umiltà u kura. Hu jemmen li kull student għandu potenzjal uniku u l-għan tal-għalliem hu li jgħinu jiskopri dan il-potenzjal, mhux sempliċement jgħaddi eżami jew jakkwista ċinturin ieħor.

Huwa jgħid li, fil-ħajja, hemm mumenti meta l-arti marzjali ssir salvazzjoni.

“Meta xi ħadd jgħidli, ‘Soke, int għallimtni nibqa’ kalm meta ħajti kienet diffiċli’, dak hu l-akbar unur. Dak hu l-mument meta taf li l-arti tgħallmet xi ħaġa aktar profonda mill-ġlied.”

Meta staqsejtu kif jarahom il-poplu Malti u Għawdxi, hu wieġeb bi tbissima ġenwina.

“Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom qalb kbira. Kull darba li ġejt hawn, sibt ospitalità li tmisslek qalbek. Hawnhekk, in-nies iħarsu lejn il-persuna. Dik hi l-vera forza ta’ pajjiż bħal dan li jagħtuk merħba u jilqgħuk bl-aqwa mod possibbli.”

Soke Cox jara f’Malta ġenerazzjoni ġdida ta’ atleti b’karattru qawwi u potenzjali

“Nixtieq ngħid lill-poplu Malti: komplu tħarsu lejn l-arti marzjali bħala mezz ta’ edukazzjoni. Mhix biss għal min irid jiġġieled, imma għal min irid isir persuna aħjar. U lill-kowċis Maltin ngħidilhom: komplu x-xogħol sabiħ tagħkom għax qed tibnu futur ta’ dixxiplina u rispett.”

Meta qomt minn ħdejh wara siegħa ta’ konversazzjoni, indunajt kemm hu faċli tinsa li għandek quddiemek master ta’ livell għoli. Soke Bill Cox jitkellem bil-mod, imma kull kelma tiżen iżjed minn eluf ta’ movimenti.

Il-messaġġ tiegħu hu sempliċi, iżda profond: il-veru ġlied ma jsirx fil-dojo biss, imma fik innifsek. Il-bilanċ bejn il-ġisem u l-moħħ, il-kuraġġ li tqum wara kull daqqa, u l-umiltà li tgħallem lill-oħrajn dawn huma l-valuri li jgħix bihom.

U finalment l-aħħar messaġġ għaż-żgħażagħ. “Jekk għandek passjoni, segwiha. U jekk tista’, għaddiha lil ħaddieħor. Hekk biss tibqa’ l-arti ħajja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport