Minn Cristian Muscat
Louis Deletraz, is-sewwieq tal-karozzi Svizzeru magħruf għall-karriera tiegħu fl-endurance racing u l-Formula 2, għamel żjara f’Malta għall-ewwel darba dan l-aħħar.
Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew, hu kien mistieden għaż-Zabbar Autofest 2025 li fiha laqgħet mijiet ta’ dilettanti tal-karozzi għall-14-il edizzjoni konsekuttiva. Din hi attività tant maħbuba fost il-komunità lokali u dawk kollha li għandhom passjoni għall-vetturi. Ġew eżebiti madwar 300 vettura, li jinkludu kollox minn trucks, għal sports cars u anke supercars.
L-attività dejjem kienet magħrufa għad-diversità tal-vetturi li tiġbor flimkien – u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni. Minn karozzi sportivi, għal klassiċi rari u vetturi kummerċjali kbar, kien hemm xi ħaġa għal kulħadd. Kienet ukoll opportunità unika għal min iħobb l-inġinerija, id-disinn u l-istorja tal-karozzi biex jara dawn ‘l hemm imsejħa ġawhar aktar mill-qrib.
F’intervista esklussiva, tkellimna ma’ Louis Delatraz dwar diversi affarijiet interessanti fosthom il-bidu tiegħu fil-motorsport, l-esperjenza li rebaħ Le Mans, kif ukoll il-viżjoni tiegħu għall-futur.
Louis beda l-intervista b’ton pożittiv u ta’ apprezzament lejn Malta. “Din l-ewwel darba tiegħi hawn, u jien tassew impressjonat. It-temp huwa sabiħ, il-bajjiet huma pittoreski u l-ikel tajjeb ħafna! Nispera li jkolli ċ-ċans niġi darb’oħra, forsi anke biex nara iktar mill-kultura u l-istorja tagħkom.”
Mistoqsi kif bdiet l-imħabba tiegħu għall-muturi u t-tlielaq, Louis jgħid li kollox beda sa miċ-ċokon.
“Missieri Jean-Denis kien sewwieq tal-Formula 1 fis-snin 90. Minn meta kont tifel, kont noqgħod nara l-karozzi tiegħu, inħoss l-eċitament tat-tlielaq. Il-familja tiegħi kienet dejjem involuta fil-motorsport, u kont naħseb: ‘Jien ukoll irrid inkun hemm!’”
Delétraz beda fil-karting qabel m’għamel passi importanti fi klassijiet differenti bħal Formula Renault, Formula V8 3.5, u mbagħad il-Formula 2. Minkejja li qatt ma wasal fil-Formula 1, kien wieħed mill-aktar sewwieqa promettenti u konsistenti fil-kampjonat, fejn kkompeta kontra ismijiet bħal Charles Leclerc u George Russell.
Fl-2021, Louis għamel storja personali meta rebaħ it-tellieqa prestiġjuża tal-24 Hours of Le Mans mal-Team WRT.
“Li tirbaħ Le Mans hija ħolma għal kull sewwieq. Hi waħda mit-tlielaq l-aktar diffiċli fid-dinja, mhux biss fiżikament imma wkoll mentalment. Għandek trakka twila, tim ta’ tliet sewwieqa, strateġija, u sforz li jdum ġurnata sħiħa. Meta tasal sal-aħħar u tkun fuq il-podju, tħoss li kull ħidma saret ta’ siwi.”
Daqshekk ċar kienet it-tweġiba tiegħu meta staqsejnieh jekk jarax lilu nnifsu fil-Formula 1 fil-futur. “Le, ma naħsibx. Meta kont iżgħar kienet ħolma. Imma issa kbirt, u bdejt niffoka fuq kategoriji oħra. L-endurance racing għandha s-sbuħija tagħha, b’aktar xogħol ta’ tim u strateġija. Ninsab komdu ħafna fejn qiegħed, u għandi ħafna għanijiet x’nilħaq f’din il-karriera.”
Louis Delatraz jemmen li l-mentalità u l-pożittivita’ hi kruċjali biex tirnexxi. “Jekk trid tkun sewwieq tajjeb, trid taħdem qatigħ kuljum. Mhux biss tkun malajr fit-trakka, imma titgħallem, tifhem il-karozza, taħdem mat-tim, tiffoka fuq id-dettall. U fuq kollox, trid temmen fik innifsek – anke meta oħrajn ma jemmnux.”
Dwar fejn jara lilu nnifsu fil-futur, Louis jgħid b’ċertezza: “Nixtieq nirbaħ iktar titli – kemm fl-European Le Mans Series kif ukoll fil-World Endurance Championship. Għandi l-passjoni u s-saħħa biex inkompli. Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ kompetittiv u ngħin lil timijiet jirbħu l-kampjonati.”
“Il-messaġġ tiegħi hu dan – jekk għandkom ħolma, agħmlu dak kollu li tistgħu biex tilħquha. Mhux se jkun faċli. Se jkollkom telfiet, sfidi u mumenti ta’ dubju. Imma jekk tibqgħu għaddejjin, il-ħidma tagħkom se tagħti l-frott. Taqtgħux qalbkom – aħdmu, emmnu fikom infuskom u kunu kuraġġużi.”
Louis Delétraz huwa prova ħajja li b’dedikazzjoni, umiltà u perseveranza, wieħed jista’ jagħmel isem għalih f’dinja kompetittiva bħal dik tal-motorsport. Żgur li se nkomplu nsegwuh hekk kif ikompli jikteb l-istorja tiegħu – minn Le Mans għall-futur li jidher promettenti ħafna.

