“Tajjeb li jkun hemm mezzi ta’ trasport alternattiv li ma jniġġisx. Imma jekk hawn min ma jafx x’inhu rispett, allura hemm bżonn regoli minnufih”, sostna Adrian Delia f’messaġġ imsieħeb ma’ ritratt li qasam fuq il-midja soċjali.
Fir-ritratt jidhru raġel anzjan fuq is-siġġu tar-roti li kien jinsab għaddej fuq il-bankina għall-affari tiegħu u ftit ‘il bogħod minnu wieħed jista’ jilmaħ żewġ scooters jostakolaw it-triq.
Għaldaqstant, Delia qed jappella għall-infurzar ta’ regoli f’dan ir-rigward u li dawn “jiġu infurzati bis-sħiħ”.
Barra minn hekk, fil-kummenti li segwew, Delia ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex kull min jiltaqa’ ma’ xi sitwazzjoni ta’ scooters lì qed joħolqu periklu jew inkonvenjent u jkollu ritratt tagħhom, ixerridhom fuq il-midja soċjali billi jitfagħhom bħala kumment fuq il-post li qasam hu fis-sigħat li għaddew sabiex jiżdied l-għarfien.