Tuesday, December 24, 2024

“Jekk ikollna nħallsu l-multa se joħduha minn ħalq dawn il-povri qtates”

Attivist tal-annimali jappella biex tinħafer multa ta’ €2,000 fuq “moħqrija”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Fl-aħħar mill-aħħar fuq il-liġi m’hemm ħadd u jekk ma nirċevux bil-miktub li l-multa tkun inħafret se jkollna inħallsuha. Ovjament qiegħed nappella biex din il-multa tinħafer għax ingħatat inġustament u għaliex fl-aħħar mill-aħħar se jkunu dawn il-povri qtates li se jbatu”. Iddikjara dan ma’ talk.mt Ackerley Pace, wieħed mill-attivisti tal-organizzazzjoni volontarja Kitty guardians for strays  (V.O 2315).

Pace qalilna li ilu jgħin l-annimali sa minn meta qabad jimxi fejn kien imur jgħin lil dawk li jitimgħu lill-annimali tat-toroq. Kellimna dwar is-santwarju li ngħataw bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Fgura u l-ħidma kontinwa tagħhom bħala voluntiera biex jgħinu qtates li jkollhom bżonn kull forma ta’ assistenza.

Pace jinsab verament diżgustat dwar każ riċenti fejn id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali ħareġ multa ta’ €2,000 lil Pace li fil-verità se jkun qiegħed jagħmel tajjeb għaliha s-santwarju għax huwa rreġistrat f’ismu. Huwa spjegalna li l-uffiċjali tad-Dipartiment li żaru l-post ħarġu din il-multa minħabba każ ta’ moħqrija għaliex instabu 15-il ferħ ta’ qattus li kienu kollha f’gaġġa waħda. Filwaqt li kkonferma dwar l-ammont ta’ qtates fl-istess gaġġa, Pace sostna li minbarra li l-frieħ kienu żgħar ħafna, dawn kienu f’din il-gaġġa minħabba li fil-post kien qiegħed jiġi diżinfettat minħabba każ ta’ qattus li kellu l-Parvo Virus. 

“Aħna se niġu mmultati daqslikieku ħraqna annimal. Aħna xogħolna hu li nsalvaw il-qtates u hekk għamilna bl-azzjoni li ħadna. Iva l-frieħ tal-qtates kienu flimkien imma bis-saħħa t’hekk salvaw kollha… anke dak li kellu l-parvo!”, saħaq Pace.

Mistoqsi dwar l-ispejjeż tas-santwarju, Pace qalilna li għandhom bżonn medja ta’ €5,000 fix-xahar minħabba tiswija tal-qtates li jiġbru, ikel, tindif u operazzjonijiet oħrajn. Spjegalna li bħalissa qegħdin jistennew qattus li kellha ssirlu operazzjoni minħabba li ntlaqat b’makkenarju u tilef sieq minnhom. 

“L-ironija taf x’inhi? Qabel inħarġet il-multa, id-Dipartiment, li għal ġieħna lanqas kien jaf li jien naħdem hemmhekk, ġabulna erba’ frieħ oħrajn biex nieħdu ħsiebhom. Iġifieri jiena qiegħed niġi mħarrek b’moħqrija u ġew hawnhekk biex nieħdu ħsieb iżjed qtates”, kompla jgħid iddispjaċut l-attivist.

L-attivist qiegħed jappella lill-awtoritajiet konċernati biex isir ristrutturar li hemm bżonn. Huwa saħaq li hemm bżonn li n-nies fi ħdan id-dipartiment ikunu verament iħobbu jaħdmu mal-annimali u mhux sempliċiment biex jgħidu li għandhom impjieg. Huwa allega dwar każ li semgħu hu stess b’widnejh rigward uffiċjal li hu u jitkellem dwar qattus li nqabad mit-triq qal “Dan minn hemm jgħaddi”, minħabba l-fatt li kien aggressiv ħafna. Min-naħa l-oħra huwa għamilha ċara li ma jistax ikun li kulħadd jispiċċa mitfuħ f’keffa waħda għax hemm dawk li verament jagħmlu minn kollox biex jgħinu l-annimali.

“Jien nappella lil min hu responsabbli biex id-dipartiment veru jkun iħares l-interessi tal-annimali. Ħafna jċemplu lill-animal ambulance, iżda dan is-servizz qiegħed jonqos lil min jitlob l-għajnuna. L-uffiċjali għandhom ikunu mħarrġin biex jaqbdu l-annimali jew jgħinuhom f’każ li jkunu f’sitwazzjonijiet varji ta’ diffikultà. Ma jistax ikollna linja tat-telefon fejn iċċempel u tkun megħjun biss f’każ li l-kelb jew qattus li ċċempel biex jgħinuh ikun diġà maqbud… l-animal welfare mhux xi delivery… aħna l-attivisti nagħmlu minn kollox biex insalvaw l-annimali għax hekk jixirqilhom”, kompla biex jappella.

Mistoqsi rigward ir-rispons għat-talba tiegħu biex titħassar il-multa, Pace qalilna li l-unika alternattiva li ngħata huwa li jappella l-multa. Huwa qal li din se twassal biex is-santwarju jidħol f’iktar spejjeż u f’riskju li l-multa tiżdied f’każ li l-appell jiġi rrifjutat. Għalhekk huwa qiegħed jappella f’isem l-organizzazzjoni biex kull min jixtieq jagħti kull tip ta’ donazzjoni jista jagħmel dan minn BOV Mobile jew Revolut fuq in-numru 00356 77042556, paypal.me/kittyguardiansmalta jew b’bank transfer fuq MT52VALL22013000000040022180162 (Miriam Borg Debrincat). Barra minn hekk huwa appella lil kull min ikollu xi ħwejjeġ li ma jkunx se juża iżjed biex jikkuntattjahom jew jgħaddi hu personalment biex jagħtihom lis-santwarju. Dan minħabba li minħabba raġunijiet ta’ ndafa, il-biċċiet ta’ ħwejjeġ li jintużaw bħala friex taħt il-qtates jintremew u b’hekk ikollhom bżonn kwantitajiet ta’ friex ta’ dan it-tip. 

Ekonomija

Sport