Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol tista’ tgħid li twelidt biha, għaliex minn tfuliti dejjem kont inħobb nilgħab il-futbol. Tant hu hekk li tgħallimt nimxi b’ballun ġo sieqi litteralment jiġifieri l-imħabba tiegħi lejn il- futbol minn dejjem kienet hemmhekk. Minn dejjem, kienet il-ħaġa li kont inħobb nagħmel u qatt ma nixba’ minnha.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ St George’s FC hija waħda pożittiva ħafna li qed tgħinni bis-sħiħ biex inkompli niżviluppa bħala plejer. Bħala klabb nemmen li qed jaħdem sew biex ikompli jġib is-suċċessi u jitla’ fejn ħaqqu. Huwa l-eqdem klabb f’Malta bi storja sabiħa u ħafna suċċessi u nixtieq nagħti l-kontribut tiegħi biex dan ikompli jseħħ.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Edmond Lufi?
Il-kowċ Edmond Lufi huwa kowċ tajjeb ħafna. Għalkemm l-istaġun li għadda kienet l-ewwel sena tiegħi miegħu, huwa emmen fija u tani ċ-ċansijiet li kien jistħoqqli biex nagħti kontribut siewi għat-tim u nkompli ntejjeb il-livell tiegħi. Nemmen li bih bħala l-kowċ tagħna, jien ħa nkun nista’ nkompli nitjieb u l-klabb jista’ jerġa’ jkun kompetittiv sew fl-istaġun li ġej.
U fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun?
L-andament tat-tim l-istagun li għadda kien wieħed pożittiv. Il-viżjoni tal-klabb kienet li nilħqu t-Top 4 u dan gie milħuq. Ikkompetejna wkoll għall-promozzjoni u għalkemm din ma rnexxilniex niksbuha, xorta nista’ ngħid li kien staġun pjuttost pożittiv. Issa niffukaw fuq l-istaġun li ġej li nemmen li ħa jerġa’ jkun wieħed kompetittiv u sabiħ ferm.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti nemmen li kull sena qed jogħla fil-livell.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Huwa wieħed pożittiv ukoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħala plejer, il-viżjoni tiegħi hija li dejjem intejjeb il-livell kemm nista’ biex nilħaq il-potenzjal tiegħi. Jien persuna li kull ħaġa li nagħmel, dejjem neħodha bis-serjetá, u l-futbol mhu xejn inqas. Jien qatt ma nkun sodisfatt li wasalt sa punt u nieqaf hemm iżda naħdem kemm nista’ biex dejjem inkompli nitjieb u dan huwa li nagħmel fil-futbol ukoll. Huwa xi ħaga li jagħmilni naħdem ħafna minn wara l-kwinti, peró ma jgħiduliex ‘the beautiful game’ għalxejn, u jekk taħdem sew, ir-riżultati jitkellmu waħedhom. L-istaġun li għadda kien wieħed li għenni bis-sħiħ biex nerġa’ nġib il-kunfidenza tiegħi u nkompli nikber, u l-istaġun li jmiss determinat biex inkompli nibni fuqu ħalli nkompli nitjieb.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk il-futbol huwa xi ħaġa li tħobb, ibqa’ aħdem kemm tista’, taqta’ qalbek qatt, żomm saqajk mal-art u tasal fejn tixtieq. Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘Practice makes perfect!’