Sunday, January 5, 2025

“Jekk il-Kunsill ikollu l-fondi u l-poteri meħtieġa naslu biex inkunu iktar effettivi”

- Jirrispondi s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li waslulna lmenti minn residenti li l-problema tar-rimi ta’ skart ta’ kull tip fil-lokalità tal-Qawra baqgħet tippersisti fejn intbagħtu ritratti lill-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima ta’ saqqijiet, ħġieġ u ġurdien mejjet, dan il-ġurnal bagħat mistoqsijiet fir-rigward lis-Sindku l-ġdid tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea. Residenti lmentaw li quddiem din is-sitwazzjoni dejjem tiggrava ta’ ħmieġ u skart mormi bl-addoċċ, mhumiex jaraw titjib fir-rigward bil-Kunsill il-ġdid immexxi mis-Sindku Ċensu Galea.  

Min-naħa tiegħu Galea beda biex jgħid li, “irrid naqsam il-kwistjoni tal-iskart f’diversi aspetti differenti. Fil-lokalità għandna numru kbir ta’ sitwazzjonijiet differenti. Nibda bil-ġbir tal-iskart domestiku. Dan ukoll għandu sitwazzjonijiet differenti. L-ewwelnett minn Jannar 2023, il-ġbir tal-iskart ittieħed minn taħt il-kontroll tal-Kunsilli Lokali u għadda għand ir-Regjun. Dan kien żball kbir għax il-Kunsill tilef il-kontroll fuq il-kuntrattur”. 

Galea insista li llum il-ġurnata l-Kunsill ma jistax jieħu l-passi meħtieġa ħalli jiġu rimedjati l-problemi li jinqalgħu b’mod regolari. Qal li, “biex jagħmel dan irid joqgħod jorganizza mar-Reġjun. Din hija ħaġa li minkejja l-volontà tar-regjun, mhiex dejjem faċli. Minbarra hekk, meta ħarġet it-tender għal dan il-ġbir, il-pożizzjoni tal-Kunsilli differenti ma tteħditx inkonsiderazzjoni. Pereżempju, il-ġbir tal-iskart f’San Pawl il-Baħar huwa differenti mill-ġbir tal-iskart fl-Imgarr jew f’Ħal Balzan”.

Il-ġbir tal-iskart domestiku huwa sfida

… L-akbar problema hija dik tal-borża s-sewda

Is-Sindku Ċensu Galea elabora li l-ġbir ta’ skart domestiku f’post bħal San Pawl il-Baħar li jinkludi l-lokalitajiet ta’ San Pawl, Bugibba, Qawra, Burmarrad, Xemxija u nħawi mhux ċentrali bħal parti mill-Bidnija, Għajn Riħana, il-Wardija u San Martin, fost l-ohrajn, huwa ta’ sfida  fih innifsu. Speċifika li, “l-akbar sfida tiġi mill-ġbir tal-borża s-sewda. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-lokalità għandha madwar 20,000 household li qegħdin jiżdiedu l-ħin kollu. Il-ġbir tal-borża s-sewda, kif regolata llum, qiegħda turi nuqqasijiet kbar. B’mod partikolari nhar ta’ Sibt il-ġbir qiegħed idum ikarkar sal-5.00 jew is-6.00 ta’ filgħaxija, bil-boroż jiġru ma’ kullimkien proprju għax anke l-iskeda oriġinali tal-ġbir mhiex ikkontrollata mill-Kunsill Lokali. Dan il-fatt għandu jinbidel illum qabel għada”.

Galea jemmen li l-ġbir tal-borża s-sewda għandu “almenu” jsir tliet darbiet fil-ġimgħa. Sostna li, “meta ddiskutejna dan is-suġġett mas-Segretarju Parlamentari Glenn Beddingfield, ir-risposta kienet ‘forget it’. L-ironija hija li mbagħad l-istess dipartiment, mingħajr kordinazzjoni mal-Kunsill ikun qiegħed idur il-lokalità jiġbor il-borża s-sewda”. 

Il-ftit li ma josservawx ir-regoli…

Huwa qal ukoll li meta nitkellmu fuq borża sewda fil-ħinijiet li mhux suppost tkun barra, tajjeb li jingħad li kieku 90 fil-mija tar-residenti josservaw ir-regoli kollha, xorta jifdal 10 fil-mija, li jikkwantifikaw għal madwar 2,000 residenza li ma jkunux qegħdin josservaw ir-regoli. 

“Dan iġib miegħu sitwazzjoni ta’ 2,000 borża jiġru fuq il-bankini madwar il-lokalità. Il-Kunsill lokali matul dawn l-aħħar gimghat, għal aktar minn darba talab lill-ERA, għax anke hawn il-kontroll mhux dirett mill-Kunsill isir, biex ikun hemm preżenza effettiva tal-uffiċjali tagħha fit-toroq tagħna. Nistqarr li minkejja żieda żgħira fil-preżenza tal-uffiċjali tal-ERA fil-lokalità, fil-fatt xorta waħda mhux qiegħed ikun hemm il-progress meħtieġ għal dak li jikkonċerna enforcement effettiv tas-sitwazzjoni”.

Fir-rigward Ċensu Galea għarrafna li dan il-Kunsill talab lill-LESA għal prezzijiet mitluba biex l-istess Kunsill ikun jista’ jipprova juża uffiċjali tal-LESA għal dan il-għan. 

Żieda ta’ madwar 30% tal-ġbir tal-bulky 

Għal dak li jikkonċerna ‘bulky refuse’, saqqijiet u affarijiet kbar, is-Sindku Ċensu Galea ħabbar li matul dawn l-erba’ xhur kien hemm żieda ta’ madwar 30% tal-ġbir tal-bulky. Hawn ippreċiża li, “il-ġbir tal-bulky isir billi l-Kunsill joffri b’xejn servizz ta’ ġbir wara talba ta’ min ikun se jarmi xi materjal. Matul dawn l-erba’ xhur kien hemm żieda ta’ madwar 30% ta’ ġbir ta’ dan it-tip. Sfortunatament, xorta qiegħed jibqa’ persuni rresponsabbli li jarmu materjal bla ma javżaw lill-Kunsill li għandhom bżonn is-servizz tal-bulky”. 

Huwa qal li tant huwa hekk li b’mod regolari, kuljum, il-kuntrattur jintalab mill-Kunsill, biex jiġbor materjal li ma jkunx fil-lista u dan wara li lill-Kunsill ikunu waslulu rapporti minn residenti oħra fl-inħawi. “M’għandix dubju li għalkemm kulħadd, meta mistoqsi, iwieġeb li ma jafx min tefa’ dak il-materjal ikun hemm min jaf min effettivament tefa’ l-materjal imma jibża’ jew ma jkunx irid jindika min ikun waddab illegalment dak l-istess materjal”.

Galea stqarr li l-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed jonfoq eluf ta’ Ewro fix-xahar biex ilaħħaq mal-ġbir bulky. Mhux qegħdin naghmlu capping għal dan il-ħlas minkejja li l-fondi tal-Kunsill għall-ġbir tal-iskart mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-bżonnijiet li hemm u li se jkomplu jiżdiedu. 

Huwa insista li, “mingħajr infurzar diffiċli tasal u għalhekk, hekk kif ikun hemm indikazzjoni iktar ċara ta’ x’inhuma l-ispejjeż meħtieġa biex inqabbdu wardens, lest li nressaq suġġeriment għall-uzu ta’ dawn l-uffiċjali ta’ infurżar. Hawn ukoll nistqarr li l-Kunsill m’għandux il-fondi żejda biex jagħmel dan ix-xogħol bi ħlas”. 

Il-Kunsill irid jassigura li fil-fatt l-indafa tkun iktar milli hija llum

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Ċensu Galea jaf il-Kunsill irid jassigura li fil-fatt l-indafa tkun iktar milli hija llum. Dwar l-ilment li r-residenti ma rawx titjieb fis-saga tal-ħmieġ f’din il-lokalità bil-Kunsill il-ġdid, Galea rribatta li, “kuntrarjament għal dak dikjarat li ma sarx titjib, nemmen li titjib sar fuq diversi aspetti tas-suġġett. Madakollu għad fadal iktar xi jsir biex inkun kuntent. Biex naslu fejn nixtieq jien irridu naslu biex ikun hemm fondi iktar milli għandna u li l-isforzi li jsiru jkunu kkordinati. Nistqarr li sal-lum m’inix kuntent bil-kordionazzjoni bejn kull min huwa involut. B’xi mod jew ieħor illum hemm ir-Reġjun, il-Kunsill, id-Dipartiment għall-Indafa Pubblika, il-persuni li jnaddfu l-bajjiet, il-kuntratturi tal-knis (anke hawn m’hemmx fondi biżżejjed biex isir il-knis kuljum fit-toroq kollha), it-tindif tal-bins, il-kuntratturi li jiġbru skart tal-lukandi, stabbilimenti tal-kiri għat-turiżmu li mhumiex ikkontrollati u ġbir ta’ kartun li dejjem isir b’ħafna kwistjonijiet differenti”.

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea għalaq jinsisti li, “irid jiġi ċċarat ukoll fil-prattika u mhux fuq il-karta, ir-rwol ta’ kull entità li hija mdaħħla f’dan ix-xogħol, Billi jintbagħat ilment li hemm ġurdien mejjet fit-triq lill-Kunsill Lokali, mhu se naslu mkien. Dan iktar u iktar meta lanqas huwa ċar (fil-prattika) min suppost jiġbor dak il-ġurdien. Jekk rapport jidħol il-Kunsill wara l-ħin tax-xogħol jew il-Ħadd, dak ir-rapport ħadd mhu se jkun jaf bih qabel it-Tnejn. Barra minnhekk, il-Kunsill lanqas m’għandu kuntratturi/ ħaddiema stand by biex imorru jiġbru tali annimal mejjet. Anke hawn huwa meħtieġ sforz akbar ta’ kordinazzjoni. Jekk irridu li jkollna ħaddiema u/jew kuntratturi stand by, iridu jingħataw il-fondi għal dan il-għan”.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport