Thursday, December 26, 2024

“Jekk il-mod kif jinħatru l-ġudikanti skont il-pariri tal-Kumitat tal-Ħatra tal-Ġudikanti mhuwiex wieħed tenibbli allura wieħed x’għandu jgħid għas-sistema preċedenti fejn kienu jintgħażlu mill-Ministru għall-Ġustizzja?”

Aqra wkoll

“Jekk il-mod kif jinħatru l-ġudikanti bis-sistema attwali li ddaħħlet fis-seħħ erba’ snin ilu mhuwiex wieħed tenibbli allura wieħed x’għandu jgħid għas-sistema preċedenti?” Hekk tenna magħna avukat li saħaq kif il-kawża miftuħa mill-NGO Repubblika fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mhux biss se tkun qed titfa’ dawl ikrah fuq is-sistema ġudizzjarja Maltija iżda anke tqanqal dubji fir-rigward tal-għoti ta’ sentenzi fil-passat.

L-NGO Repubblika, is-sena li għaddiet kienet talbet biex tiġi mblukkata l-ħatra tal-Maġistrati Francesco Depasquale, Joanne Vella Cuschieri u Aaron Bugeja bħala Mħallfin, u tal-avukati Nadine Lia, Victor Axiak u Bridget Sultana bħala Maġistrati sakemm tiġi introdotta s-sistema l-ġdida ta’ kif jiġu magħżulin membri tal-ġudikatura. “Madankollu tajjeb li wieħed jgħid li hemm parti sostanzjali tal-membri attwali tal-ġudikatura, biex ma ngħidux il-maġġoranza tagħhom, li nħatru bl-għażla diretta tal-Ministru għall-Ġustizzja,” kompla jikkummenta magħna l-avukat.

Bis-sistema li ddaħħlet fis-seħħ fl-2016 membri tal-ġudikatura jinħatru billi l-Kumitat tal-Ħatra tal-Ġudikanti, wara sejħa li ssir mill-Ministru għall-Ġustizzja, tipprovdi lill-Prim Ministru b’kandidati li fl-opinjoni tagħha tqis bħala l-aħjar għal dak ir-rwol. Sistema li ħadet post is-sistema arkajka fejn kien ikun il-Ministru għall-Ġustizzja li jressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament dawk il-kandidati li huwa jqis bħala l-aktar adegwati.

Tajjeb li jingħad li l-mod kif jingħażlu l-membri tal-ġudikatura se tkun qed tinbidel bil-ħatriet ġudizzjarji jkunu suġġett ta’ riforma kostituzzjonali li ġiet proposta mill-Gvern wara proċess ta’ konsultazzjoni trasparenti u wiesgħa mal-Kummissjoni Venezja u addottata mill-Parlament Malti b’mod unanimu.

Permezz ta’ din ir-riforma, li ġiet ukoll imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru neħħa għal kollox minn idejh il-poteri li kellu fir-rigward ta’ ħatriet fil-ġudikatura.

Ekonomija

Sport