Nistaqsuh kif huma diversi dawn il-membri fi ħdan il-PN li huma tal-fehma li l-PN ma jistax ikompli jċedi għal pressjoni pubblika u jimxi fuq it-triq tan-neo liberaliżmu. Fi kliemhom stess ‘ma nistgħux ngħoġbu l-Alla u lix-xitan.” Dawn jemmnu li l-PN għandu jirritorna lejn l-għeruq tiegħu, dawk mibnija fuq Religio e Patria. Iħossu li l-Partit Nazzjonalista meta żvaluta l-prinċipji ta’ Religio e Patria, spiċċa bla ruħ. Lil dawn in-nies x’tgħidilhom? Se tieħu l-Partit Nazzjonalista lejn din it-triq?
Id-Deputat Nazzjonalista, l-avukat Adrian Delia jgħidilna li “jien mhux persuna li nħares lura, jien persuna li nħares ‘l quddiem. Li tħares ‘l quddiem mhemmx għalfejn tkun xi ħadd li tipprova toħroġ lil hinn, li tmur lil hinn minn fejn inti ġejt.
Mela allura qabel nidħol biex nagħmel tikketta ta’ jekk intix ċentru, ċentru xellug jew lemin, iċ-ċentru tal-politika tagħna huma in-nies, in-nies li jgħixu f’soċjetà u jridu l-aħjar għalihom, għall-familji tagħhom u għal uliedhom u għall-pajjiż. Il-fatt li individwu jkun tajjeb jew tajjeb ħafna mhux biżżejjed.
Irid ikun il-pajjiż fi stat, f’evoluzzjoni tajba li inti qed tgħix aħjar, għax li tkun tajjeb inti id-dar waħdek mhux biżżejjed għax inti qed tgħix f’kuntest f’soċjetà, f’pajjiż. Bil-maqlub jekk il-pajjiż ikun tajjeb ħafna u l-individwi jintesew mhux tajjeb. Mela allura il-fatt li jkollok ċifri li jridu li l-ġid nazzjonali qed jikber, li l-ekonomija qed tespandi, jekk hemm 100,000 persuna fuq il-preċipizzju tal-faqar dak mhjux tajjeb.
Mela trid li jkollok politika li tavvanza l-ekonomija tal-pajjiż, tkabbar il-ġid komuni, tieħu ħsieb li jiġi mqassam sew, ħalli iż-żgħir tieħu ħsiebu, lil dawk li jridu jaslu intuhom l-għodod biex jaslu, ikun hemm inqas dipendenza minn barranin li qed jidħlu fil-pajjiż u qed jiskonvolġu id-demografija tal-pajjiż. Il-proporzjon ta’ tkabbir esaġerat fil-popolazzjoni qed joħloq anke tensjonijiet soċjali u dwejjaq fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Nara li l-Partit Nazzjonalista irid jibni fuq il-passat, jifhem x’kienu l-fehmiet bażiċi tiegħu, jevolvi.
Jien waħda mill-proposti kienet li nagħmlu konvenzjoni billi ninvolvu lil dawk li qegħdin fil-partit, nistiednu l-istakeholders tas-soċjetà, biex flimien naġġornaw il-fehmiet bażiċi ġodda tagħna biex metą xi ħadd jistaqsik inti għaliex qiegħed fil-PN, inti tkun taf x’inhu t-twemmin bażiku.