Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-baseball?
L-imħabba tiegħi lejn il-baseball bdiet madwar 25 sena ilu meta l-kuġini tiegħi ingħaqdu ma’ Skolasport. Kienu jġibu magħhom il-mażża tal-baseball u l-bqija tal-ekwipaġġ Ta’ Qali, u niftakar ċar l-ewwel darba li żammejt il-mażża f’idi u ilqat il-ballun! Minn dak in-nhar iddeċidejt li ridt nilgħab il-Baseball, ingħaqadt ukoll ma’ Skolasport u il-baseball sar parti kbira minn ħajti.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ewlieni tal-baseball f’pajjiżna.
L-iktar parti importanti f’dan ir-rwol hija li nispira lin-nies, speċjalment lit-tfal, biex jingħaqdu mal-isport u nitgħallmu l-elementi bażiċi tiegħu. Irrid inkun figura li tgħinhom jiżviluppaw mhux biss bħala plejers, imma wkoll bħala individwi.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-baseball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-baseball f’Malta żdied b’mod sinifikanti matul is-snin. Il-fatt li kellna plejers internazzjonali jħalltu magħna għen ħafna biex it-timijiet tagħna jtejbu l-livell tal-logħba. Dan ħoloq sfida pożittiva li tħeġġeġ il-plejers Maltin itejbu l-ħiliet tagħhom.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Ir-riżorsi huma dejjem limitati, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-faċilitajiet. S’issa, m’għandniex post dedikat għar-baseball u s-softball f’Malta. Ħafna drabi jkollna nistennew li jispiċċa t-taħriġ tal-futbol biex nagħmlu t-taħriġ tagħna tard filgħaxija. Barra minn hekk, diffiċli nsibu nies b’esperjenza biex jgħallmu l-logħba, għax mhux ħafna nies f’Malta għandhom għarfien fil-baseball.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-baseball?
Il-futur tiegħi issa jinsab fit-tfal. Din is-sena ffukajna fuq l-U12s u għandna iktar minn 40 tifel u tifla jilagħbu l-baseball f’Malta – numru li rduppja mill-aħħar sena. L-għan tagħna hu li nkomplu nikbru magħhom, nintroduċu gruppi ġodda bħat-T-Ball (għal tfal ta’ bejn 5 u 8 snin), l-U15s, u fl-aħħar mill-aħħar l-U18s biex eventwalment jingħaqdu mat-timijiet tal-irġiel. Beħsiebni wkoll inkompli nħarreġ mal-World Baseball & Softball Confederation biex inġib aktar kwalifiki relatati mal-Baseball.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-baseball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-baseball hu sport uniku li joffri ħafna benefiċċji. Mhux biss itejjeb il-kordinazzjoni bejn l-għajnejn u l-idejn, iżda jgħin ukoll lill-atleti jadattaw mal-fallimenti li jġib miegħu l-isport – aspett importanti kemm fil-logħba kif ukoll fil-ħajja. Hu sport li jdur ħafna fuq it-tim, id-dixxiplina u r-rispett. Jekk inti lest taħdem, titgħallem u toħlom, m’hemmx limitu għal dak li tista’ tikseb!