Hekk kif id-dinja llum se tkun qiegħda tħares lejn il-laqgħa li mistennija ssir bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Ukren Volodymyr Zelensky, Trump qal li “jekk irid Volodymyr Zelensky jista’ jtemm il-gwerra.
Fl-istess waqt hu ġie kwotat jgħid li parti mill-ftehim se jkun li l-Ukranja qatt ma tista’ tissieħeb fin-NATO. Ħaġ’oħra li jidher li tista’ tkun parti mill-ftehim biex jintemm il-kunflitt hija li l-Krimea tibqa’ territorju Russu u għall-ebda raġuni ma jkun hemm talba mill-Ukreni biex din terġa’ ssir parti mill-pajjiż.
Ir-Russja kienet ħadet il-kontroll tal-Krimea fl-2014 meta kienet wettqet attakk fuqha.
Miegħu Volodymyr Zelensky għal laqgħa ma’ Trump se jieħu mexxejja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Prim Ministru tar-Renju Unit.
Skont kif ġie rraportat mill-midja internazzjonali, Putin jidher li aċċetta l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jagħti garanzija ta’ sigurtà lill-Ukranja, mingħajr ma tkun parti min-NATO.
Zelensky kemm-il darba talab li jkun hemm garanzija ta’ sigurtà li issa jidher li Putin aċċetta din l-istess talba.