Monday, February 17, 2025

”Jekk is-settur tal-films imur tajjeb, il-pajjiż kollu jgawdi minnu” – l-Awditur Ġenerali

Aqra wkoll

Din il-Ġimgħa, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, attenda għat-tielet laqgħa quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament Malti, fejn ġie diskuss ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).

Is-Sur Deguara spjega li il-Kummissjoni Maltija għall-Films rnexxielha twassal riżultati konkreti u pożittivi fl-industrija tal-films, settur li għandu rwol kruċjali għall-ekonomija Maltija, kemm minħabba l-investiment dirett li jattira kif ukoll l-impjiegi li joħloq u jżomm fis-suq tax-xogħol lokali.

Waħda mis-sejbiet ewlenin li spjega l-Awditur Ġenerali Deguara u li ħarġu mir-rapport kienet li t-taxxi miġbura mill-investiment tal-industrija tal-films, li ġejjin mill-iskema tal-Cash Rebate, qed ikopru l-investiment u jżiedu magħhom li l-Gvern qed jagħmel f’din l-iskema.

Charles Deguara qal li l-figuri tal-NAO jindikaw li mhux biss il-pajjiż qed jattira produzzjonijiet barranin li jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni għall-films tagħhom, iżda li l-inċentiv finanzjarju offrut mill-Gvern qed iħalli ritorni ekonomiċi li jibbilanċjaw l-ispiża għall-kontribwenti.

Is-Sur Deguara enfasizza li din l-iskema għandha mekkaniżmi ta’ monitoraġġ li jiżguraw li l-investiment f’din l-industrija jsir b’mod sostenibbli u trasparenti.

Matul din is-sessjoni, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali spjega wkoll li din l-iskema kienet approvata mill-awtoritajiet Ewropej dwar l-Għajnuna mill-Istat (State Aid), u għalhekk topera fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropeja.

Skont l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, dan huwa pass importanti li jikkonferma l-leġittimità tal-mekkaniżmu finanzjarju u li juri kif Malta rnexxielha tattira u żżomm produzzjonijiet internazzjonali billi taħdem fi ħdan il-framework regolatorju Ewropew.

L-Awditur Ġenerali rrimarka wkoll li dan is-settur mhux biss qed jattira produzzjonijiet barranin, iżda qed ikompli jsaħħaħ il-kontribut tiegħu lejn l-ekonomija Maltija billi qed isostni impjiegi fis-settur tal-films.

Huwa żied jgħid li l-estimi tal-NAO dwar l-impatt ekonomiku tal-industrija tal-films huma, fil-fatt, ogħla minn dawk konservattivi li ppubblikat il-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta.

Dan jindika li s-settur għandu potenzjal akbar milli kien maħsub qabel, hekk kif l-NAO sostna li l-Kummissjoni qed tkun konservattiva fil-mod kif tippreżenta l-ġid li qed jinħoloq mill-industrija, u li, fil-fatt, il-figuri tal-NAO huma aħjar u ogħla.

Is-Sur Deguara enfasizza li l-industrija tal-films għandha tibqa’ appoġġjata u żviluppata, billi għandha l-potenzjal li tkompli tikber u tgħin lil diversi setturi oħra fl-ekonomija Maltija. Huwa saħaq fuq il-valur ekonomiku mifrux li din l-industrija tista’ ġġib magħha u qal li “jekk is-settur imur tajjeb, il-pajjiż kollu jgawdi minn dan.”

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara rrimarka wkoll li, filwaqt li l-governanza għandha dejjem tkun prijorità f’kull entità pubblika, għandu jiġi esplorat jekk il-Kummissjoni għandhiex tingħata aktar riżorsi umani u jekk għandhiex tingħata struttura aktar effiċjenti u moderna sabiex tkun allinjata mal-ħtiġijiet u l-eżiġenzi tal-industrija tal-films, li hija waħda dinamika u kompetittiva fuq livell internazzjonali.

Huwa spjega li l-istruttura preżenti hija aktar adattata għal dipartiment tal-Gvern, li għandu proċessi amministrattivi tradizzjonali, filwaqt li l-Malta Film Commission għandha xogħol differenti, li huwa li tattira investiment barrani f’industrija kompetittiva.

Huwa spjega li settur bħal dan, li qed jikber b’ritmu mgħaġġel u li għandu l-potenzjal li jkompli jattira investiment barrani, jeħtieġ struttura flessibbli u moderna li tkun kapaċi tirrispondi għall-isfidi u l-opportunitajiet li jkun hemm.

L-għoti ta’ aktar riżorsi lill-Kummissjoni tal-Films, kemm f’termini ta’ staff kif ukoll f’termini ta’ għodod amministrattivi ġodda, jista’ jgħin biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ u joffri benefiċċji akbar għall-ekonomija Maltija. L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ikkonkluda li l-industrija tal-films “tirrendi ħafna lil pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport