Minn Cristian Muscat
Richard Whitehead MBE jinsab f’Malta biex għal darb’oħra jieħu sehem fil-41 edizzjoni tal- LifeStar Malta Marathon, u jagħti eżempju ċar ta’ kif il-kuraġġ, il-perseveranza u l-inklużjoni jistgħu jgħaqqdu komunitajiet. Iċ-champion Paralimpiku u rekordman dinji fil-maratona u n-nofs maratona għall-atleti b’amputazzjoni doppja mhux biss ġie biex jikkompeti, imma wkoll biex jispira u juri kif l-isport jista’ jkun qawwa ta’ bidla u motivazzjoni għal kulħadd.
Il-preżenza tiegħu f’Malta mhix biss għall-kompetizzjoni. Richard huwa simbolu globali ta’ inklużjoni u ugwaljanza fis-sport. Il-maratona f’Malta, li qed jikber kull sena u jiġbor eluf ta’ parteċipanti, joffri l-pjattaforma perfetta biex il-kuraġġ tiegħu u l-messaġġ tiegħu jilħqu komunità wiesgħa.
Richard twieled fil-belt ta’ Nottingham fl-Ingilterra fl-1976 b’amputazzjoni doppja sa taħt il-ġenbejn. Minn età żgħira kien imħeġġeġ jipparteċipa fl-isport mingħajr limitazzjonijiet, u dan wasslu biex jidħol fl-atletika wara esperjenzi fl-għawm, ġinnastika u saħansitra hockey fuq is-silġ.
Għalkemm il-bidu tiegħu kien diffiċli u mimli sfidi, Richard wera determinazzjoni straordinarja. Hija din il-karatteristika li wasslitu biex isir wieħed mill-atleti Paralimpiċi l-aktar magħrufa fid-dinja. Huwa rebaħ diversi midalji Paralimpiċi, inkluż deheb fil-T42 200m f’Londra 2012 u Rio 2016, u rebaħ titli dinjija u Ewropej fl-avvenimenti tal-isprint. Barra minn hekk, huwa kiseb il-midlaja tal-fidda fil-200metru fl-Olimpjadi ta’ Tokyo 2020 u dan juri kemm huwa persistenti.
Richard mhux magħruf biss bħala sprinter; huwa wkoll rekordman fil-maratona u n-nofs maratona għall-atleti b’amputazzjoni doppja. Huwa sar l-ewwel atleta b’amputazzjoni doppja li qatta’ t-tliet sigħat fil-maratona, u kompla jpoġġi rekords li ma kinux mistenni li jinkisbu.
L-2025 kienet sena storika għalih. Wara li ħa sehem fil LifeStar Malta Marathon għall-ewwel darba fl-2025, Richard temm l 100 marathon uffiċjali tiegħu fi New York City Marathon fit-2 ta’ Novembru li għadda, b’ħin ta’ 2:57:46 u rata medja ta’ 4:12 kull kilometru. Dan it-tragward immarka wkoll 20 sena ta’ karriera professjonali, peress li fl-2004 kien ħa sehem fi New York Marathon għal wieħed mill-ewwel maratoni kbar tiegħu fi ħin ta’ 5:18.
Meta staqsejnih dwar il-preparazzjoni għal Malta, Richard spjega li kull maratona hi differenti: kundizzjonijiet tat-temp, tip ta’ art u r-rispons tal-ġisem jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni.
Il-preparazzjoni tikkonsisti f’taħriġ strett, ħin jew żmien ta’ rkupru, nutrizzjoni tajba u sessjonijiet regolari ma’ tim xjentifiku. “Tista’ taħseb li maratona hi sempliċi, imma kull dettall jikkontribwixxi,” komp. Fost l-isfidi hemm ukoll adattament għal kundizzjonijiet differenti — minn temp kiesaħ jew xita sa sħana qawwija u dan jeħtieġ esperjenza u strateġija preċiża.
Richard spjega wkoll il-motivazzjoni tiegħu li jirritorna f’Malta. “Ngħidlek il-verita’ ridt nagħmel din l-isfida għal sena oħra,” qal. “Din is-sena nħoss li nista’ nagħti impatt reali fuq il-komunità. Malta tiċċelebra l-isport u tiċċelebra n-nies fi ftit kliem lil kulħadd. Dan jagħmilha speċjali.”
Il-LifeStar Malta Marathon qed tikber sena wara sena u qed toffri esperjenza li tgħaqqad sport, turiżmu u inklużjoni soċjali. Richard jħoss li l-avveniment jagħti opportunità lill-komunità biex tara kif sport u determinazzjoni jistgħu jġibu bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies.
Barra minn hekk, Richard jħoss li l-LifeStar Malta Marathon mhijiex biss opportunità kompetittiva, iżda wkoll pjattaforma biex iwassal messaġġ qawwi lill-komunità. Kull maratona huwa għalih okkażjoni biex juri li l-limiti huma mfassla biex jiġu sfidati u biex il-kuraġġ u l-perseveranza jistgħu jwasslu għal suċċess u sodisfazzjoni personali.
Il-fatt li Malta qed tiftaħ il-bibien tagħha għal inklużjoni u sport għal kulħadd jagħmel dan il-maratona speċjali. Għal Richard, il-preżenza tiegħu mhijiex biss biex jikkompeti, iżda biex jispira, jħeġġeġ u juri li kull individwu, irrispettivament mid-diżabilità tiegħu, jista’ jagħmel xi ħaġa straordinarja jekk għandu determinazzjoni u appoġġ.
Il-messaġġ ta’ Richard mhux biss dwar l-atletika iżda dwar il-komunità u l-valuri. Huwa stabbilixxa The Richard Whitehead Foundation, li tgħin lin-nies b’diżabilità jilħqu l-potenzjal tagħhom permezz tal-attività fiżika. “F’kull maratona nħoss din il-persuna speċjali li tista’ tkun qed tħoss inċertezza,” qal. “Jekk jaraw lili nagħmel dan kollu li qed nagħmel, dawn in-nies iħossu li kulħadd kapaċi jagħmilha!”
Lejliet din il-maratona, Richard qal: “L-isport għandu l-qawwa li jibdel ħajjitna. Mhux minħabba midalji jew rekords, iżda għax jgħaqqad lin-nies u juri li bil-kuraġġ, dedikazzjoni u appoġġ, li kollox huwa possibbli.”
Din il-preżenza ta’ Richard Whitehead fil-Marathon LifeStar Malta tagħti lill-avveniment aktar minn kompetizzjoni sportiva: hija simbolu ta’ inklużjoni, perseveranza u ispirazzjoni, u turi kif l-isport jista’ jkun qawwa għal bidla soċjali u motivazzjoni personali.
Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li Richard Whitehead m’huwiex biss atleti straordinarju; huwa simbolu globali ta’ kif il-passjoni, il-kuraġġ u l-ispirtu inklużiv jistgħu jgħaqqdu komunitajiet u jispiraw il-ġenerazzjonijiet futuri.

