Monday, June 23, 2025

‘Jekk jien irnexxieli nasal sa dan il-punt diġá, x’qed iwaqqaf lilek milli tipprova wkoll karriera ta’ referee’ – Luke Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Qatt ma setgħet tibda l-imħabba lejn l-isport tal-waterpolo mingħajr ma nsemmi lil missieri. Missieri kien lagħab l-isport ta’ etá żgħira wkoll fejn saħansitra lagħab mat-timijiet tal-youths u t-timijiet tal-kbar ta’ Sirens ASC, Marsaxlokk ASC u Ta’Xbiex ASC fej rebaħ il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni magħhom. 

Missieri kien baqa’ nvolut wara li waqaf jilgħab u fforma parti mill-kumitat ta’ Sirens ASC. Kien hu ma’ nies oħrajn tal-klabb li bdew jagħmlulna taħriġ għalija bħala tifel ta’ erba’ snin u tfal oħra ta’ etá simili tiegħi fil-pixxina ż-żgħira tas-Sirens Pitch. Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi għall-isport tal-waterpolo u qatt ma ħarist lura!

U għaliex għażilt proprju li tkun referee?

Fil-ħin liberu tiegħi ġieli kont ngħin bħala assisstant coach tat-tfal iż-żgħar is-Sirens, ġieli kont nirrefja xi logħob tat-taħriġ tat-tfal minn etá ta’ 14/15-il sena. Kont nieħu gost nirrefja l-logħob imma peressli kont għadni plejer, qas qatt ms għaddiet minn moħħi biex nibda l-karriera ta’ referee imma iktar bħala xi ħaġa ġdida biex nipprova u nuża l-ħin liberu tiegħi b’mod effettiv.

Meta waqaft nilgħab l-isport wara kważi 15-il sena nilgħab u bdejt nikkowċja sessjonijiet tat-tfal iktar regolari, hawnhekk fejn meta kont norganizza logħob tat-taħriġ regolari u wara l-logħob kont nirċievi kummenti pożittivi mingħand kowċis oħrajn kif ukoll ġenituri fej vera qam l-interess. 

Paul Micallef, ħabib tieghi kien ċempili għax grupp tal-Masters kienu qed jorganizzaw tournament u kellhom bżonn referee għal sitt ġimgħat kull nhar ta’ Tnejn. Kont indeċiż biex ngħid iva imma aċċettajt u tgħallimt ħafna minn dan it-tournament u smajt kummenti pożittivi mingħand ħafna mill-Masters.

Kont qed nkellem lil kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Sirens ASC ta’ dak iż-żmien Marko Orlovic għedtlu li kont qed ninteressa ruħhi biex nipprova referee u li bdejt inssffar logħob tal-Masters li qalli li għandi l-kwalitajiet biex insir referee. Saħansitra darba Sirens kellhom logħba ta’ ħbiberija fis-sajf kontra Sliema, il-kowċ Orlovic qabad u tani s-suffara u qalli “Galea, ref this game, I don’t care if you do good or bad, just try”.  Avolja kont inċert biex nipprova peressli kienu se jilagħbu bil-plejers barranin, aċċettajt. 

Fil-logħba kien hemm il-plejers Andrija Prlianovic, Pietro Figlioli, Dimitrii Kholod u Matyas Pasztor jilagħbu, kollha plejers li lagħbu ma’ klabbs Ewropej kbar, mal-pajjiżi tan-nazzjonal tagħhom kif ukoll pparteċipaw fl-Olimpjadi. Ma kinitx logħba faċli, għamilt hafna żbalji żgur imma smajt kummenti sbieħ minghand il-kowċ Marko Orlovic, il-kowċ tas-Sliema Dejan Savic (li rebaħ żewġ midalji tad-deheb mat-tim nazzjonal tas-Serbja) u anke ftit mill-plejers ukoll.

Minn hemm tħajjart u kellimt mal-president tal-ASA Karl Izzo u l-viċi President Randolph Cauchi fuq kif nista’ nibda li qaluli u ggiwidawni biex nattendi kors ta’ jumejn f’Ottubru li kien se jagħmlu r-referee Taljan Massimillano Caputi li mort u attendejt u bdiet il-karriera tiegħi tliet ġimgħat wara nirrefja logħob tal-youths.

Proprju fil-jiem li għaddew, flimkien mar-referee Taljan Attilio Paoletti ikkontrollajt l-ewwel logħba tiegħek fil-Kampjonat tas-Sajf bejn Marsaskala u Ta’ Xbiex. X’emozzjoni ħassejt?

Ħassejtni rilassat kif dejjem nipprova nkun qabel logħba imma ma nistax nigdeb meta ngħid li kont eċċitat kif ukoll nervuż għaliex kienet l-ewwel darba tiegħi nirrefja logħba tal-Kampjonat tas-Sajf kif ukoll nirrefja ma’referee barrani. 

Kien ta’ pjaċir kbir nirrefja mas-Sur Attilio Paoletti li għandu fuq 30 sena esperjenza bħala referee, 25 sena esperjenza bħala referee fis-Serie A1 (l-ogħla lig fl-Italja) u kważi 20 sena esperjenza bħala referee internazzjonali. Żammni rilassat u kalm waqt il-logħba u tgħallimt ħafna mingħandu.

Avvolja kont irrefjajt numru ta’ loghob fl-Enemed Cup kif ukoll fil-Kampjonat tax-Xitwa tal-Kbar, kienet esperjenza totalment differenti niirefja fil-Kampjonat tas-Sajf. 

L-ikbar żewġ biddliet li ħassejt huwa li t-timijiet kollha issa bdew jilagħbu bi plejer barrani li tagħmel differenza għaliex itellgħu l-veloċitá tar-rittmu tal-logħba kif ukoll kienet l-ewwel logħba uffiċjali tiegħi nirrefja logħba bir-regoli il-ġodda li qed iħallu impatt kbir fuq il-logħba li milli jidher qed iwassal għal aktar azzjoni kif ukoll gowls. 

Int kont ukoll plejer f’diversi sports. Agħtina iktar dettalji.

Avolja l-isport ewlieni tiegħi dejjem kien il-waterpolo, minn dejjem kont sportiv u prattikajt diversi sports bħall-futbol, basketball, rugby u handball. 

Fil-futbol kont bdejt bħala goalkeeper ta’ ħames snin u għamilt kważi tmien snin fil-youths bħala goalkeeper ta’ Mosta FC għal sitt snin u sentejn ma’ Sirens FC fejn ta’ 13-il sena kelli nieqaf minħabba l-istudji kif ukoll iktar commitment lejn waterpolo u handball.

Basketball kont bdejt ta’ seba’ snin u għamilt erba’ snin bħala plejer tal-youths ta’ Starlites Basketball Club kif ukoll bdejt nilgħab rugby ta’ seba’ snin ma’ Kavallieri RUFC qabel kelli nnaqqas l-isport minħabba l-commitments tal-handball, waterpolo u futbol.

L-interess lejn il-handball beda ta’ 11-il sena meta bdejt nattendi l-iskola Sekondarja ta’ San Alwiġi fejn ifformajt parti mill-klabb Aloysians fejn irbaħt żewġ kampjonati konsekuttivi bħala plejer ewlieni fit-tim għal dawk is-sentejn kif ukoll kont parti min-nazzjonal taż-żghar ta’ taħt is-16-il sena qabel kelli nieqaf biex inkun nista’ nkompli nipprattika l-waterpolo mal-klabb biex nibda nittrenja mas-seniors u man-nazzjonal ta’ taħt is-17-il sena.

X’differenza hemm bejn li tkun plejer u referee?

Hemm differenza kbira bejn plejer u referee. Plejer irid jipprattika, iżomm ruħu attiv u jittrenja ħalli jsir aħjar u l-aqwa verżjoni tiegħu personsali. Plejer irid jisma mill-kowċ u jara kif jista’ jagħmel aħjar u jagħti kontribuzzjoni għat-tim fl-aqwa li jista.

Referee wkoll irid jipprattika, żżomm ruħu attiv u jittrenja imma b’mod differenti. Referee ġdid bħali rrid dejjem jaqra r-regoli u żżomm moħħu up-to-date bihom biex tnaqqas l-iżbalji. Jipprattika u jittrenja b’kull logħba li jagħmel ukoll għaliex kull logħba għandha l-istorja tagħha u tista’ titgħallem xi ħaġa minn kull logħba. 

Dejjem nipprova jekk għandi ħin liberu, nipprova nirrefja logħob tat-taħriġ bejn żewg klabbs biex dejjem nitgħallem u nżomm ruħi attiv fil-logħba u ma nagħmilx perjodu twil mingħajr ma nsaffar logħba.

Li dejjem għandu jkun hemm bejn plejer u referee huwa r-rispett u d-dixxiplina. Plejer għandu dejjem jiġri x’jiġri jirrispetta r-referee u d-deċiżjonijiet li jagħmel jaqbel jew ma jaqbilx miegħu u jżomm ruħu ddixxiplinat. Referee irid ukoll jirrispetta l-plejers u jisma’ x’għandhom xi jgħidu wkoll ġieli biex titgħallem int ukoll mingħandhom imma dejjem b’mod ta’ rispett u dixxiplinat bejniethom.

Tħoss li għandha tidħol il-goal-line technology fil-waterpolo?

Suġġett interesssanti t-teknoloġija tal-goal line li matul fl-aħħar snin rajnih introdott fil-futbol u diversi sports oħrajn. Fl-isport għandha goaljugdes li apparti li jwaddbu l-ballun meta l-ballun tmur barra mingħajr ma jitwaqqaf il-logħba għall-perjodu twil, jgħinu lir-referee b’gowl li mill-anglu tal-goaljudge ikun aħjar minn tar-referee. 

It-teknoloġija tal-goal line tista tgħin ħafna iżda trid tara kemm ħa tkun tajba t-teknoloġija tagħha. Peressli l-isport jintlagħab ġo l-ilma, l-lasta tista’ tiċċaqlaq u jaf ma jagħtikx qari korrett ukoll kif ukoll trid tara kemm se jiswa biex jiġi implimentat għax b’differenza mill-futbol, ​​l-assoċjazzjonijiet tal-waterpolo, il-klabbs u l-waterpolo inġenerali m’għandhomx l-istess fondi bħall-futbol kif ukoll sports oħra.

Nemmen li t-teknologija tal-goal line tista tkun ta’ benefiċċju imma jaf jkollu problemi jindika gowl jew le għaliex il-lasta tal-gowl tista’ tiċċaqlaq mal-movimenti tal-goalkeeper u l-kurrent tal-ilma tal-pixxina. 

Ma nistax ngħid li naqbel magħha għal kollox imma jekk jista’ jgħin biex jiġu ddeterminati l-gowls mingħajr żbalji, forsi nistgħu narawha implimentata.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala referee tal-waterpolo?

Ma nistax ngħid żgur fejn nixtieq u fejn ħa nasal bħala referee tal-waterpolo. Għandi 22 sena li s-soltu tkun għadek tilgħab imma miniex u għandi ħafna ħin nara l-futur tiegħi fil-kariga ta’ referee. 

Issa ilni kważi sentejn bħala referee, u nista’ ngħid li diġá għamilt passi kbar billi rrefjajt logħob kompetittivi fl-etaijiet ta’ taħt l-14-il sena, 16-il sena, 18-il sena u 20 sena. Irrefjajt ukoll diversi logħob tal-kampjonat tan-nisa kif ukoll tournaments b’timijiet internazzjonali ta’taħt l-etá ta’ 14, 16 u 18-il sena ta’ livell għoli ta’ SPR Travel Malta. 

Issa f’dawn l-aħħar erba’ xhur irrefjajt numru ta’ logħob fl-Enemed Cup kif ukoll fil-Kampjonat tax-Xitwa tal-Kbar. Li hu żgur li nkompli nirrefja logħob ta’ kull etá u ntejjeb il-prestazzjonijiet f’kull logħba li nagħmel. 

Il-ġimgħa d-dieħla bl-għajnuna tal-ASA u l-fiduċja li qed juru fija se jibgħatuni u ħa nattendi Kors Ewropew tal-Akwatiċi f’Varna, il-Bulgarija fejn se nagħmel kors ta’ sitt ijiem fejn se nitgħallem minn referees u uffiċjali tal-ogħla klassi. Wara dan, billi nikseb aktar esperjenza u nirreffja fl-ogħla livell f’Malta b’mod konsistenti, l-għan li jmiss se jkun li nikseb il-Kwalifika Internazzjonali tiegħi fi ħdan l-LEN u l-World Aquatics biex nibda nirreffja barra minn Malta u nittama li nibni triqti biex nirreffja f’logħob u tournaments internazzjonali b’mod konsistenti.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali liż-żgħażagħ sabiex jitħajru jsiru referees tal-waterpolo.

Il-karriera tiegħi bħala referee tal-waterpolo bdiet ta’ 20 sena u ta’ 22 sena diġá wasalt sa punt li għaxar snin ilu kont nidħak f’wiċċek kieku għidtli li kont ħa nkun qed nirrefja logħob fl-ogħla livell tal-waterpolo ta’ Malta.

Nappella liż-żgħazagħ li anke jekk ma tasalx fil-karriera ta’ plejer, hemm modi differenti biex tibqa’ nvolut u għalija minflok pruvajt nsegwi karriera ta’ plejer, bdejt il-kariga ta’referee u ma ħaristx lura! 

Jekk jien irnexxieli nasal sa dan il-punt diġá, x’qed iwaqqaf lilek milli tipprova ukoll. Nappella lill-eks plejers żgħar u kbar tal-waterpolo kollha ta’ kwalunkwe livell. Ikkuntattjana jekk ir-refereeing jinteressak. Int se tkun iggwidat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku (ASA) u l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Waterpolo (MWRA) kif jien stess tawni u jkomplu jagħtuni opportunitajiet biex insir l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi kemm bħala persuna kif ukoll bħala referee.

Ir-refereeing hija karriera mill-aqwa fiha nnifisha b’opportunitajiet biex titgħallem, tikber u tivvjaġġa fiċ-Ċirkwit Ewropew!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport