Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li għandna naġixxu aktar bħal dik l-omm li tħobb li jinteressaha f’uliedha. B’hekk naraw trasformazzjoni vera fil-politika tagħna
Waqt programm speċjali f’Jum l-Omm, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rrifletta dwar il-figura tal-omm u kemm din hija importanti fis-soċjetà tagħna. Huwa qal li jekk jirnexxielna fil-politika nitgħallmu farka mill-ommijiet, dak ikun kontribut kbir lejn is-soċjetà tagħna.
Huwa qal, “Lil hinn mill-politika, din hija ġurnata fejn normalment kulħadd jinġabar id-dar u jkun hemm l-omm li qed issajjar. Is-sodisfazzjon ta’ kull omm hija li tara lill-familja tagħha tinġabar. Hija waħda mill-iktar affarijiet b’saħħithom fis-soċjetà tagħna, l-abiltà tal-ommijiet tagħna li fl-iktar mument diffiċli għal pajjiżna, l-ommijiet li jżommu s-saħħa morali fil-familji tagħna.”
L-appell ta’ Delia f’dan il-Jum kien dwar il-bżonn li jkun hemm aktar nisa fil-politika. “Mhux biex ikollna l-kejl tan-numri. Imma għax ir-rikkezza li jġibu magħhom se tibbenefika mhux biss lilhom imma lis-soċjetà tagħna.”
Huwa qal li dan l-appell għandu jkun lil hinn mill-punti politiċi għax mhux biss huwa dritt għan-nisa li jipparteċipaw fil-politika imma huwa rikkezza għan-nazzjon. “Illum qabel għada rridu li jkun hemm aktar nisa fil-politika.”
Huwa qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jirrealizzaw x’inhi l-politika li l-iktar taffettwa lin-nies. Politika li qed tagħmel differenza fil-ħajja.
Delia rrefera għall-islogan ‘Soċjetà li jimpurtaha’ filwaqt li qal, “Nixtieq li d-direzzjoni tagħna nibdew nuru bl-aġir tagħna li qed nagħmlu politika li tassew jimpurtaha. Jekk hemm eżempju li nistgħu naraw hija l-figura tal-omm. Jekk naġixxu aktar bħal dik l-omm li tħobb li jinteressaha f’uliedha naraw trasformazzjoni vera fil-politika tagħna.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech qal li din l-attività kienet biex permezz tagħha jsellmu lill-ommijiet kollha. Huwa qal li din hija opportunità biex wieħed jafferma kemm hu importanti l-valur tal-ħajja u sostna li l-PN huwa favur il-ħajja sa mill-konċepiment.
Huwa rrefera wkoll għal dak li għamel il-Kap tal-PN ġimgħa ilu fejn b’mod personali kiteb ittra lill-iSpeaker fejn talab biex fil-Parlament ikun hemm sala lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. “Meta din inqatlet inħasdet ukoll ħajja ta’ omm. Huwa kruċjali fil-politika tagħna li nħarsu dejjem bl-akbar attenzjoni dawn il-valuri kollha,” qal Zammit Dimech