Sunday, November 10, 2024

“Jekk jista’ jkun għada pitgħada kulħadd jiġi bl-appuntament”

Introduzzjoni ta' sistema ta' appuntamenti għad-donaturi tad-demm bil-għan li tiżdied il-konvenjenza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Sur Alexander Lautier – Incharge Nurse fiċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm –  kellimna dwar l-introduzzjoni tal-appuntamenti għad-donaturi tad-demm. Qalilna li din is-sistema, għalkemm għad hemm min jgħidlek li ma tantx togħġbu, għalihom bħala staff hija effiċjenti ħafna għax tgħinhom biex inkunu jistgħu jqassmu aħjar lid-donaturi. Għalkemm id-demm huwa dejjem bżonjuż, tagħmel aktar sens li jkollok medja ta’ 50 donatur kuljum milli f’ġurnata jkollok 80 donatur u f’oħra jkollok 10 donaturi biss. 

Wieħed mill-vantaġġi għad-donatur li jagħmel appuntament huwa l-fatt li jekk ikun hemm nies qablu, jingħata prijorità skont il-ħin tal-appuntament. Ovjament jibqa’ dawk li jagħżlu li jmorru biex jagħtu d-demm għax isibu xi ftit ħin u l-appell lejn dawn in-nies jibqa’ għax kull donazzjoni hija determinanti biex tgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn. 

Spjegalna li bħala demm jista’ jiġi ppriżervat sa madwar 42 ġurnata, iżda d-domanda tant hi kbira li normalment ma jiħux aktar minn jumejn biex jiġi ntużat. Huwa rrimarka dwar il-fatt li qatt ma kien hawn każi fejn intrema xi demm. 

“Għall-grazzja t’Alla lanqas waqalna fl-estremità l-oħra… Konna fix-xifer li ninqabdu mingħajr demm iva, iżda l-poplu Malti jilqa’ tajjeb l-appelli kontinwi li nagħmlu meta r-riżerva tibda tonqos”, kompla biex jgħidilna Lautier.

Hawnhekk huwa kellimna dwar l-importanza li l-pubbliku jibqa’ jilqa’ s-sejħiet li jsiru minn diversi telefonati li jsiru kuljum miċ-Ċentru. Hemm nies inkarigati jagħmlu dawn it-telefonati kuljum skont it-tipi ta’ demm li jkunu qegħdin jonqsu mir-riżerva. Din il-proċedura tgħin biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm każi fejn ir-riżerva tispiċċa fi stat li fortunatament s’issa qatt ma kienet … mingħajr demm. F’dan l-istadju, minħabba dak id-daqsxejn sfors ta’ dak li jkun, pazjenti fl-Isptar Mater Dei li qegħdin jistennew interventi jkollhom jistennew minħabba li tingħata prijorità lil dawk kollha li jiġu bżonn id-demm b’urġenza minħabba diversi sitwazzjonijiet bħalma huma inċidenti tat-traffiku jew dawk fuq postijiet tax-xogħol fost sitwazzjonijiet varji oħra.

Sport