Friday, December 27, 2024

“Jekk kien hemm bżonn tiġi f’pajjiżna, trid tobdi r-regoli ta’ dan il-pajjiż”

Aqra wkoll

“L-iktar messaġġ importanti hu l-osservanza tar-regoli. Li jekk int ġejt f’pajjiżna, jekk kien hemm bżonn tiġi f’pajjiżna, trid tobdi r-regoli ta’ dan il-pajjiż.”

Robert Abela waqt intervista li ta dalgħodu fuq One Radio saħaq kif f’pajjiżna sar ħafna xogħol biex ma jsofrix piż sproporzjonat minħabba l-immigrazzjoni illegali lejn l-Ewropa. “Fuq dawk li jiġu f’pajjiżna legalment, se naddottaw l-istess prinċipji. L-istess kontrolli. Fejn int tiġi taħdem hawn biss f’dak il-lok fejn pajjiżna veru għandu bżonn.”

Dwar ir-regoli aktar stretti, il-Prim Ministru semma l-eżempju tar-regoli ġodda li ddaħħlu fil-Y Plates fl-aħħar xhur.

“Mhux biss biex ma jkollniex numri eċċessivi, iżda wkoll biex inżidu s-sigurtà fit-toroq. Kien hemm meħtieġa deċiżjoni u ħadna d-deċiżjoni t-tajba u li kien hemm bżonn. Fuq quddiem nett li biex int toffri servizz b’karozza Y, irid ikollok liċenzja tagħna, tal-Unjoni Ewropea. Għax mas-sigurtà tal-Maltin u min ikun f’pajjiżna m’għandux ikun hemm logħob. Hija regola li kienet meħtieġa u daħħalniha. Fuq quddiem nett mil-lat ta’ sigurtà. Iżda, imbagħad ukoll mil-lat ta’ numri fejn int jekk għandek ħaddiem hawn trid tibża’ għalih u mhux għandek is-serħan il-moħħ li ġġib kemm trid mingħajr ebda idea ta’ responsabbiltajiet lejh. U nemmen li dik hi miżura li diġà bdiet tħalli effett.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif l-osservanza tar-regoli tibqa’ tgħodd bl-istess saħħa imbagħad meta dak li jkun jasal hawn u jibda jgħix u jaħdem hawn.

“L-osservanza tar-regoli mhix xi ħaġa ta’ barranin. Iżda tgħodd għal kulħadd f’kull settur u għal kulħadd, inkluż il-Maltin kif sħaqt dan l-aħħar meta tkellimt fuq il-kostruzzjoni u meta tkellimt fuq it-traffiku, fost oħrajn. U l-emfasi tiegi hawn hi emfasi għax nemmen li l-osservanza tar-regoli tfisser il-ħarsien taċ-ċittadin onest.”

Ekonomija

Sport