Minn Cristian Muscat
L-Aquatic Sports Association of Malta (ASA) ħabbret li Mario Dalli ressaq ir-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ President tal-Malta Waterpolo Referees Association (MWRA), wara snin twal ta’ servizz immarkati b’impenn, professjonalità u ħidma kontinwa favur l-iżvilupp tar-refereeing tal-waterpolo f’Malta.
Deċiżjoni li, kif jispjega hu stess, ma ġietx meħuda b’għaġla, iżda kienet frott riflessjoni profonda dwar l-etika, ir-responsabbiltà u l-kunflitti ta’ interess, dejjem skont dak li qalilna f’intervista li tana.
“Ma nistax ngħid li kienet deċiżjoni faċli,” jgħid Dalli. “Kien hemm ħafna affarijiet sbieħ tul il-mandat tiegħi, u ħafna xogħol li sar. Imma sa ċertu punt trid tkun onest miegħek innifsek u mal-isport.”
Wieħed mill-punti kruċjali li wasslu għal din id-deċiżjoni kien l-iżvilupp tal-karriera tiegħu bhala Delegat. Kien fl-2020 li hu waqaf minn referree sabiex jibda r-rwol ta’ Delegat/ Assesseur, rwol gdid għall-Kampjoat Malti. In-numru ta’ Delegati żdied u issa hemm b’kollox sitta. Ir-rwol tiegħi mhux biss wieħed li nieħu ħsieb l-assesssments tar-referres u li flimkien mal-President tal ASA nagħżlu min ħa jirreffja l-logħob imma huwa wkoll wieħed fejn qed naħdem biex inkomplu ntejbu l-livell tar-refereeing b’seminars, laqgħat u l-ħolqien ta’ opportunitajiet biex ir-referees jirrefjaw barra minn Malta wkoll.
F’Settembru 2024, lejn l-aħħar tal-istaġun, Mario Dalli, flimkien ma’ Peter Balzan u Rita Azzopardi, attendew l-ewwel kors għad-delegati tekniċi organizzat minn European Aquatics fil-Kroazja. “Kienet esperjenza ġdida għalina. Attendejna l-kors, għamilna l-eżami u ksibna l-kwalifika. Illum aħna konfermati uffiċjalment bħala European Aquatics Technical Delegates,” jispjega. Din il-kwalifika fetħet bibien ġodda.
Dalli diġà kellu esperjenza bħala delegat f’kompetizzjonijiet nazzjonali, kif ukoll fl-Ingilterra u fl-Italja, iżda ried jara kif taħdem is-sistema f’livell Ewropew. “Ridna naraw x’se jsarraf dan kollu. Il-fatt li tirrappreżenta lil Malta f’kamp internazzjonali hu unur kbir, u fl-istess ħin responsabbiltà akbar.”
Kien għalhekk il flimkien mal-President tal ASA, Karl Izzo, bdejna nsaħħu r-rwol tad-Delegat sabiex issa jinkludi wkoll li jiġbor u li janalizza l-evalwazzjioniijet kollha tar-Referees kollha, kemm Maltin kif ukoll barranin. Dan il-proċess iwassal sabiex ir-Referees lokali jiġu graded f’erba’ kategoriji, A, B, C u D. Dan ir-rwol ukoll jirrikjedi li kulltant jittieħdu miżuri ta’ dixxiplina skont l-evalwazzjonitet mogħtija mid-Delegati.
Madankollu, hekk kif żdiedu l-impenji, bdew jinqalgħu xi ftit tad-diffikultajiet. Din is-sena, il-waterpolo Malti kellu Enemed Cup, Winter League kif ukoll Summer League, u dan wassal għal sitwazzjonijiet fejn ir-rwoli tiegħu bdew ikollhom kif qal hu stess kunflitt ta’ interess.
Il-kunflitt ta’ interess żviluppa fil-kuntest tar-rwol tiegħu ta’ Delegat/ Assesur tar-Referees għax dan ir-rwol ukoll jirrikjedi li xi kultant jieħu passi dixxiplinari meta l-livell ta’ referreing ma jkunx wieħed tajeb. U hawnhekk kien beda jħoss li qed jinqabad f’kunflitt ta’ interess bejn ir-rwol ta’ President tal-MWRA u r-rwol ta’ Head Delegate.
Dan għaliex bħala President tar-Referees ir-rwol tiegħu kien li jħares il-bżonnijiet tar-Referres u kemm-il darba kienu jirrikorru għandu sabiex jiddefendihom f’ċerti ċirkostanzi. Sfortunatament meta Dalli kien, kemm President u anke delegat, ħass li ma setax jipprovdi lir-Referees “ħajt ta’ kenn“.
Kien għalhekk li Dalli kellu jagħżel bejn ir-rwol ta’ President tal-MWRA jew Delegat tal-ASA. “Bdejt inħoss li qed ninqabad bejn ċerti sitwazzjonijiet u deċiżjonjiet diffiċli … ma tistax tkun President tal-MWRA, Delegat, u fl-istess ħin involut f’ħatriet u evalwazzjonijiet,” tenna jgħid.
“Bdew jinqalgħu problemi mal-kuxjenza tiegħi fejn kien hemm bżonn ta’ dixxiplina u infurzar ma’ Referees, għaliex jien dejjem kont onest dwar l-evalwazzjonijiet ta’ Referees. Għalhekk iddeċidejt li nieqaf minn President tal-MWRA.”
Għal Dalli, il-kwistjoni hi waħda ċara: etika u trasparenza. “F’Malta, l-impenji qed jiżdiedu, u trid toqgħod attent ħafna. Ħassejt li l-aħjar u l-aktar ħaġa ġusta kienet li nirrizenja minn President. Mhux għax trid titlaq, imma għax trid tagħmel dak li hu sewwa.”
Minkejja r-riżenja, ir-rwol tiegħu fl-isport ma jispiċċax hawn. L-ASA kkonfermat li Mario Dalli se jkompli jirrappreżenta lil Aquatic Sports Association of Malta bħala Delegat lokalment u bħala European Aquatics Technical Delegate f’kompetizzjonijiet Ewropej.
“Dan hu rwol li nħoss li nista’ nagħti ħafna fih, u li ma joħloqx kunflitti,” jgħid.
Parti essenzjali mix-xogħol tiegħu bħala delegat hi l-evalwazzjoni tar-referees. “Hemm kriterji ċari ħafna,” jispjega.
“Jekk referee jġib punteġġ taħt is-6, irridu nieħdu azzjoni. Dan jista’ jfisser li niġbdulu l-attenzjoni, niddiskutu x’ġara f’partita partikolari, jew, f’każijiet aktar serji, nieħdu passi dixxiplinari.”
Dalli jfakkar li fl-istaġun li għadda kien hemm sospensjoni ta’ erba’ referees minħabba żbalji tekniċi. “Ir-referees għandhom responsabbiltà kbira. Il-klabbs jonfqu eluf ta’ ewro biex iġibu plejers mill-Ewropa, u allura rrid ikun hemm kontabilita’. L-isport ma jistax jimxi ’l quddiem jekk ma jkunx hemm standards għoljin.”
Meta jitkellem dwar il-futur tar-refereeing f’Malta, Dalli juri ottimiżmu. “Għandna żgħażagħ kemm irġiel kif ukoll nisa li qed jitilgħu,” jgħid. Issemmi ismijiet bħal Debbie Tully, Kendra Navarro u Juana Cauchi, uhud minhom kellhom l-opportunita li jirrefjaw l-Italja u Spanja.
“Bil-mod il-mod qed naraw progress. Kendra Navarro, pereżempju, għadha plejer attiva, imma qed inħeġġiġha ħafna bħala referee għax għandha potenzjal kbir bħala uffiċjal.”
Wieħed mill-proġetti importanti li qed jitħares lejh hu t-taħriġ tal-uffiċjali tal-jury table. “Hemm kors online li kulħadd jista’ jagħmel. Jagħmlu eżami b’20 mistoqsija u jridu jġibu mill-inqas 75 fil-mija,” jispjega. “Aħna, bħala ASA, qed nippjanaw ukoll korsijiet għal uffiċjali ta’ fuq il-mejda u assistant referees, biex ikollna aktar uffiċjali kwalifikati.”
L-għan hu li jiġu mħeġġa plejers żgħażagħ biex jidħlu f’dan il-qasam. “Jiksbu ċertifikat rikonoxxut fl-Ewropa, ikollhom bażi soda u introduzzjoni għar-refereeing. Minn hemm jistgħu javvanzaw u jkollhom aktar aċċess għal logħbiet internazzjonali,” jgħid. Dan isir aktar rilevanti fid-dawl tal-kompetizzjonijiet Ewropej li Malta se tospita, fosthom il-Challenger Cup u l-Conference Cup. “Min ikun ikkwalifikat jista’ jaħdem bħala uffiċjal ta’ fuq il-mejda, u din hi opportunità kbira.”
L-ASA, filwaqt li rringrazzjat lil Mario Dalli għas-servizz tiegħu bħala President tal-MWRA, esprimiet sodisfazzjon li l-esperjenza u l-għarfien tiegħu se jibqgħu ta’ valur kbir għall-isport Malti. L-Assoċjazzjoni issa tħares ’il quddiem għall-ħatra ta’ President ġdid tal-MWRA u għal kollaborazzjoni kontinwa biex jissaħħu l-attivitajiet tar-refereeing.
Dalli jenfasizza wkoll li l-akbar sfida fil-waterpolo modern mhijiex biss teknika, iżda dik kulturali.
“Trid tibni kultura fejn l-uffiċjali, il-klabbs u l-plejers jaħdmu flimkien b’rispett reċiproku,” jgħid. Skontu, ir-referee u d-delegat m’għandhomx jidhru bħala ostaklu, iżda bħala parti mill-iżvilupp tal-logħba. “Meta kulħadd jifhem ir-rwol u r-responsabbiltà tiegħu, il-livell jogħla. Din hi l-bażi biex noħolqu ambjent sportiv aktar professjonali, kredibbli u sostenibbli, kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali.”
“L-importanti hu li l-isport jibqa’ miexi ’l quddiem b’integrità,” jgħid. “Jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu b’onestà u responsabbiltà, il-waterpolo Malti jista’ jkompli jikber fuq pedamenti sodi.”

