Friday, October 24, 2025

‘Jekk lest li taħdem, ir-riżultati jiġu waħedhom’ – Joseph Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Snin ilu kont nittrenja l-boxing, iżda kif waqaft sibtha iebsa, apparti li bqajt inġib xi skuża jew oħra biex nerġa’ nibda xi ħaġa. 

Madwar sena u nofs ilu jien u tliet iħbieb oħra ddeċidejna li napplikaw għal triathlon. B’hekk kellna xi ħaġa biex inħarsu ‘l quddiem u nibdew naqra sports ħalli għallinqas nippruvaw inżommu naqra attivi f’kemm għawm, rota u ġiri.

X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Li tibda xi ħaġa għal saħħtek huwa diġá l-akbar suċċess li tista’ tikseb.

Ħadt sehem f’diversi Maratoni lokali f’dawn l-aħħar sena u nofs iżda barra minn xtutna huma dawn:

– Novembru 2024 Ironman Turkija 5hrs 21mins

– April 2025 Spanja Tritour 4hrs 51mins

– Mejju 2025 Ironman Venice Jesolo 5hrs 31mins

– Marathon Des Sables Marokk 120km 12hr 30mins 11-il post minn 450 parteċipant. 

Din l-avventura jien mort biex nieħu pjaċir u lanqas qatt ma mmaġinajt li se niġi minn ta’ quddiem. B’hekk tagħmel ħafna aktar kuraġġ, kif tibda tinduna kemm tista’ tkun kapaċi jekk dejjem trid int.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Għandna ħafna żgħażagħ u tfal tajbin f’Malta. Għandna nkunu kburin u ngħinu lil xulxin bħala familja waħda mingħajr piki. Lit-tfal irridu nħeġġuhom bis-sħiħ f’kull sport mingħajr piki u stress – l-aqwa li jieħdu gost flimkien! 

Ħafna atleti Maltin diġá għamlu unur kemm lokalment u anke barra min xtutna u m’għandix dubju li se jiżdiedu ħafna aktar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Qabel kont nittrenja waħdi jew niltaqa’ ma’ sħabi iżda kif applikajt għal MDS iddeċidejt li nfittex l-għajnuna. 

Anke fl-isport huwa tajjeb li tfittex l-għajnuna u ma tgħaddasx rasek, għax ikun hemm ħafna affarijiet li titgħallem kuljum u int stess lanqas tkun taf kemm ikunu qed jagħmlulek ġid. 

Jekk lest li taħdem, ir-riżultati jiġu waħedhom!

L-ewwel kliem li qalli kif kellimt lill-kowċ Ivan Gauci li laqgħani mhux biss b’idejh miftuħa iżda ndunajt kemm hawn verament min jaf iħobb, jagħti kas u ssir familja waħda mat- tim li tispiċċa tiltaqa’ magħhom kważi kuljum.

Sħabi tal-OCA spiċċaw jagħmlu sagrifiċċji miegħi biex jgħinuni nkun preparat għal dix- xewqa li tant ilni għaliha. Hemmhekk verament tara r-rispett u l-imħabba ta’ kull individwu. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Nixtieq li jkolli aktar ħin għat-taħriġ iżda bil-ħajja ta’ kuljum li qed ngħixu sfortunatament saret iebsa avolja tagħmel ħafna sagrifiċċji.

Biex tmur ‘il quddiem għandek bżonn ħafna ħin, iżda xorta minix se naqta’ qalbi!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Tagħtix kas dieti, u kompli għix normali għax il-bqija jiġi stress żejjed! Ma tridx tesaġera ovvjament.

Jekk lest li tibda, aqbad u ibda, u ġġibx skużi għax faċli jirkbuk u ma tibda qatt! 

Kif tibda iżda, tiqafx! Kulħadd b’saħħtu ħafna aktar milli jaħseb li hu … Il-moħħ kollox! 

Mis-sema ‘l isfel kulħadd l-istess … sta għalik fejn trid tasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport