Saturday, December 21, 2024

“Jekk ma nagħmlux dawn il-bidliet, id-dinja kollha se tħallas prezz qares ħafna” – il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Jekk ma nagħmlux dawn il-bidliet, id-dinja kollha se tħallas prezz qares ħafna”. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela li bħalissa jinsab fi Glasgow, l-Iskozja, biex jattendi għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil fil-klima flimkien mal-mexxejja dinjin.

Abela se jkun qiegħed jindirizza din il-konferenza għada.

Intant, f’kummenti li ta waqt din il-konferenza, Abela fakkar li fil-budget għas-sena d-dieħla l-gvern ħabbar diversi skemi u inċentivi importanti ferm, fosthom l-inċentiv sa €12,000 biex persuni jaqilbu minn vettura li taħdem bil-petrol jew bid-dijżil għal waħda elettrifikata. Fi kliemu, din hija miżura ewlenija li se tkun qed tgħin biex pajjiżna jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u jagħmel il-qalba li hemm meħtieġa.

“Ħaġa waħda hija ċara żgur. Jekk ma nagħmlux dawn il-bidliet, id-dinja kollha se tħallas prezz qares ħafna. Jekk nagħmlu l-bidliet, minn sfida nistgħu noħolqu opportunitajiet kbar,” temm jgħid Abela. 

Aktar qabel:

Il-mexxejja dinjin bdew jaslu għall-konferenza tan-Nazzjo­nijiet Uniti COP26 bil-għan li jintlaħaq qbil biex jiġu evitati l-effetti diżastrużi tat-tibdil fil-klima. L-isfida li qed jiffaċċjaw quddiemhom il-mexxejja hija waħda kkumplikata hekk kif diversi nazzjonijiet naqsu milli jaqblu dwar il-miri ambizzjużi li l-pajjiżi jeħtieġ li jilħqu. 

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu wasal fi Glasgow fl-Iskozja fejn mal-wasla tiegħu ġie milqugħ mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali Abela qal li bħala mexxejja qed jiltaqgħu biex jaħdmu għal soluzzjoni komuni dwar l-isfida globali tat-tibdil fil-klima. “Qed nuru kif bħala pajjiż ninsabu mpenjati li nagħmlu l-parti tagħna. Urejna dan ukoll b’diversi miżuri fil-baġit għas-sena d-dieħla,” qal Abela.

Il-Prim Ministru se jkun qed jindirizza l-konferenza għada.

Ekonomija

Sport