Saturday, December 28, 2024

“Jekk ma nagħtix aċċess iressquni l-Qorti… jekk ma jġibhomx lura qisu ma ġara xejn”

Omm tirrakkonta dak li għaddejja minnu minħabba “nuqqas” fil-liġi

Aqra wkoll

Dawk kollha li għandhom id-dritt tal-aċċess ta’ wliedhom f’każi ta’ seperazzjoni bejn il-ġenituri, jafu li jekk ma jirritornawx lil uliedhom fil-ħin jew inkella jżommhom anke għal aktar minn ġurnata, il-pulizija ma jistgħu jieħdu l-ebda azzjoni.

Stqarr dan ma’ dan il-ġurnal omm li kellha tissepara minn ma’ żewġha u b’digriet mill-Qorti tal-Familja trid tagħti aċċess lil missier it-tfal darbtejn fil-ġimgħa.

“Dejjem bil-problemi. L-aċċess ta’ missier uliedi jispiċċa fis-7.00 p.m. u jiġi lura bihom xħin ifettillu. Kien hemm każi fejn bagħatli messaġġ li mhux se jirritorna lill-ulied id-dar f’dik il-lejla u kien se jġibhom lura filgħodu kmieni biex jien inwassalhom l-iskola,” qalet omm bil-kundizzjoni li tibqa’ anonima.

Hi kompliet tgħid li kemm-il darba marret l-għassa tal-pulizija li minkejja li jdaħħlu r-rapport jgħidulha ċar u tond li ma jistgħu jagħmlu xejn għax ma hemm xejn fil-liġi li min ikollu aċċess irid jirritorna lil uliedu.

L-omm qalet li din mhux problema tagħha biss hekk kif hemm mijiet ta’ ommijiet u missirijiet oħrajn li għaddejjin mill-istess esperjenza.

Ma’ dan il-ġurnal l-omm qalet “nagħtih it-tfal dejjem skont id-digriet, narahom sejrin u ma nafx xħin se jiġu lura… għax iġibhom lura x’ħin ifettillu hu u jkun komdu.”

Hi kompliet tgħid li meta darba kellha t-tifel marid id-dar kienet informat li eks-żewġha li mhux se jkun possibbli li tagħtih aċċess.

“Kien marid ħafna bid-deni t-tifel… niftakar kienet ġurnata ta’ kesħa kbira u bgħat messaġġ lil missier uliedi li aħjar it-tifel jibqa’ d-dar tant li wkoll offrejtlu li jiġu hu d-dar fejn ngħix biex jagħmel ftit ħin miegħu. Hekk kif għaddew ftit minuti u ma tajtx aċċess kont irċivejt telefonata mill-għassa biex jaraw għaliex ma tajtux lit-tifel filwaqt li t-tifla kien ħadha normali,” qaltilna l-omm.

Tkompli tirrakkonta li l-pulizija “wrew ħniena” magħha għax qalulha “l-missier ġej għat-tifel issa u jekk issa ma tagħtix aċċess se nieħdu passi kriminali kontrik… Kelli noħroġ lit-tifel marid mejjet mid-dar.”

L-ironija hija, tkompli tgħid l-omm li dakinhar ma ġabhomx lura u “kien bagħatli messaġġ li se jġibhom l-għada filgħodu. Kont ċempilt l-għassa li kienu kellmuni ftit ħin qabel u għedtilhom b’dak li kien ġara, iżda qaluli li ma jistgħu jagħmlu xejn.”

L-omm żiedet tallega li l-missier f’dik il-lejla lanqas mediċina ma kien ta lil ibnu “iżda għal dan kollu qisu ma ġara xejn.”

“Jgħidulek għamel rikors il-Qorti… imma jien kemm niflaħ nibqa’ nħallas avukati tar-rikors li tieħu riżultat tagħhom xhur wara li tkun ippreżentajthom,” kompliet tgħid l-omm imbikkma.

Il-ġenituri li jkollhom il-kura u l-kustodja ta’ wliedhom ikunu marbutin b’dati u ħin meta jridu jagħtu aċċess lill-ġenitur l-ieħor. Jekk għal xi raġuni dan l-aċċess ma jingħatax, allura l-ġenitur l-ieħor jagħmel rapport l-għassa tal-Pulizija li min-naħa tagħhom bilfors iridu joħorġu akkużi kriminali fil-konfront tal-ġenitur li ried jagħti l-aċċess.

Però, min-naħa l-oħra jekk il-ġenitur li jkollu aċċess biss ta’ wliedu ma jirritornax lil uliedu lil ġenitur li jkollu l-kura u l-kustodja, ħadd u l-ebda liġi ma tista’ tagħmillu xejn.

Intant bħalissa ma hemm l-ebda persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li nstabet ħatja mill-Qorti li ma tatx aċċess tal-ulied lil ġenitur l-ieħor skont id-digriet maħruġ mill-Qorti tal-Familja.

Dan ħareġ fi tweġiba li Byron Camilleri Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ta fil-Parlament fuq mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

Ekonomija

Sport