Friday, August 22, 2025

‘Jekk ma taspirax li tirbaħ, ma tkunx maħluq għall-kompetizzjoni sportiva’ – Owen Magro

Aqra wkoll

‘Jekk ma taspirax li tirbaħ, ma tkunx maħluq għall-kompetizzjoni sportiva’ – Owen Magro

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet proprju mill-iskola waqt il-break, niġru u nissieltu wara l-istess ballun u niżvugaw l-enerġija ta’ tfal li konna kif ukoll mal- ħbieb ta’ tampari fejn konna niltaqgħu daqsxejn waqt il-weekend mal-familji u konna nimlew il-ħin tagħna b’daqqtejn ballun.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Pietà Hotspurs FC?

Proprju minn meta tkellimt mal-kowċ u urejt l-interess fit-tim, iddiskutejna flimkien li t-tim huwa wieħed żagħżugħ u promettenti ħafna, meta tqis li hemm l-inklużjoni ta’ ħafna minors. Din is-sena, fejn snin oħra, se nkun imdawwar b’tim żagħżugħ li fejn issoltu jien kont inkun fost iċ-ċkejknin tat-tim din is-sena nqis ruħi bħala wieħed mill-kbar tat-tim.

Huwa tim ta’ ħafna talent u valuri partikolari li żgur ilkoll flimkien nagħmlu l-għażla lill-kowċ mhux faċli għall-ewwel 11. Personali nħares lejn din l-opportunitá bħala sena ta’ tagħlim, bħal kull sena oħra, iżda sena aktar ta’ esperjenza u nittamaw għal sena pożittiva kemm personali kif ukoll fil-kollettiv.

X’tikkummenta fuq l-esperjenzi passati tiegħek ma’ St Andrews FC u Zabbar SP FC?

L-esperjenza tiegħi ma’ Zabbar SP FC kienet waħda qasira peró żgur li mhux se ninsa. Kienet is-sena tal-promozzjoni għall-Premier fejn ilkoll ħdimna għaliha u rnexxejna bl-għajnuna ta’ ħafna membri tal-istaff u kowċis. Kulħadd kien jaf x’kien l-għan tat-tim u lkoll flimkien wasalna biex ksibna l-promozzjoni. Kienet sena pożittiva li fiha tgħallimt ħafna.

Min-naħa l-oħra, l-esperjenza tiegħi ma’ St Andrews FC għalkemm kienet itwal minn dik ta’ Zabbar, ma bdietx pożittiva u kif xtaqna li mmorru fil-bidu tal-istaġun. Bdejna naqra fuq sieq ħażina kif jgħidu u mhux bl-għan li kellna iżda b’bosta tibdil f’Jannar u manuvri rnexxielna niksbu postna għal sena oħra fiċ-Challenge League u dawwarna kull ħażin f’tajjeb fl-aħħar ftit tal-istaġun.

Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?

Bl-inklużjoni tal-plejers barranin nemmen li għola l-livell tal-logħba tal-futbol, fil-kampjonati Maltin, iżda naqset l-opportunitá liż-żgħażagħ Maltin. Hawn Malta għandna ħafna talent iżda m’għandniex paċenzja b’ċertu talent żagħżugħ li nistennew sakemm naraw il-potenzjal fl-ogħla livell tal-plejer u kif jadatta ma’ tim tal-kbar. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-kwalitá tal-pitches li jkollna l-kompetizzjonijiet fihom ma nistax ngħid li hi fjakka iżda l-manutenzjonijiet fihom huma, u mhux ftit. Għandna ħafna pitches ġewwa Malta iżda ma nistgħux ma naqblux li l-pitches qegħdin jiġu ‘over used’ bil-volum ta’ logħob li qed ikun hemm u bit-taħriġ li jsir matul il-ġimgħa. Riżultat ta’ dan jidher fl-ammont ta’ injuries li kull tim isofri fl-iskwadra prinċipali.

Ma nafx għaliex ma jkunx hemm ambulanza ‘on duty’ waqt logħba kompetittiva taċ-Challenge League. Sfortunatament l-istagun li għadda esperjenzajt inċident, ta’ plejer fl-iskwadra tagħna, kemmxejn ikrah waqt logħba u kif l-istaff tekniku dar għall-assistenza medika, kellom jistennew l-ambulanza tasal sabiex jittieħed l-isptar u jdewwuh. Ma nifhimx għaliex m’għandux ikun hemm ambulanza ‘stand-by’ meta tqis li qiegħed ikun għaddej ‘contact sport’ għall-medja ta’ siegħa u nofs.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Iż-żgħażagħ illum nemmen li m’għadhomx iduru mal-lewża sabiex jarawhom jekk humiex għall-isport tal-futbol jew le. Hawn ħafna sports u attivitajiet oħra x’jaghmlu illum u wieħed biss ma jridx jaqta’ qalbu u jipprova opportunitajiet diversi u mhux fejn isib ruħu komdu u jieqaf hemm.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nimxi staġun bi staġun u naspira li kull sena nitgħallem u nieħu xi ħaga ta’ ġid fil-memorji tiegħi bħal xi promozzjoni jew kampjonat għaliex fl-aħħar mill-aħħar, jekk ma taspirax li tirbaħ, ma tkunx maħluq għall-kompetizzjoni sportiva.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Karriera ta’ suċċess fil-futbol tinvolvi li dejjem iżżomm saqajk mal-art u tiftakar minn fejn bdejt u kif bdejt, li qatt ma tara lil ħaddieħor dubbien u timmotiva lil ta’ madwarek sabiex jgħinuk issir dejjem plejer aħjar u bħalma tgħin lilhom, huma jgħinu lilek ukoll!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport