Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira ħafna meta missieri kien ħadni l-ewwel ftit drabi għat-taħriġ man-Nursery ta’ Birkirkara FC, u minn hemmhekk mill-ewwel indunajt li l-futbol kien għalija.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Jien bdejt il-karriera tiegħi bħala difensur, u darba kont qgħadt nara lil sħabi li huma goalkeepers jittrenjaw u saqsejt lill-kowċ tal-goalkeepers jekk nistax nipprova nittrenja magħhom u minn dakinhar ‘l hemm dejjem preferejt il-pożizzjoni ta’ goalkeeper.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birkirkara FC.
Bħalissa qiegħed f’pożizzjoni li qiegħed nittrenja ma’ wieħed mill-aqwa klabbs f’Malta u dejjem sibt min iħeġġiġni biex naħdem u nimxi l’ quddiem kemm fil-futbol u anke fil-ħajja personali tiegħi. L-esperjenza li tkun qiegħed tikkompeti għar-rebħ tal-Kampjonat u għall-FA Trophy staġun sħiħ hija esperjenza li ma ninsiha qatt u l-partitarji għamluha esperjenza isbaħ bil-koreografiji tagħhom waqt il-logħob.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
It-tim dejjem ta iktar mil-100% tiegħu, kemm waqt il-logħob u anki waqt it-taħriġ, biex kellna staġun sabiħ bħal dan u biex wasalna biex niksbu post fl-Ewropa. Għalkemm kellna żminijiet tajbin u oħrajn ħżiena, qatt ma qtajna qalbna u komplejna naħdmu.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti jidher li qiegħed jogħla minħabba l-livell ta’ plejers barranin li qegħdin jidħlu li dejjem qegħdin jimbuttaw lill-plejers Maltin biex ikunu aħjar.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds li nilagħbu fuqhom huma grawnds tajbin peró bl-ammont ta’ logħob li jintlagħbu fuqhom maż-żmien jibdew imorru ftit lura u tkun diffiċli għan-nies li jieħdu ħsieb biex ilaħħqu. Rigward il-grawnds li nittrenjaw fuqhom, hemm problema ta’ ċokon peró t-turf huwa tajjeb.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jekk nibqa’ naħdem u nistinka nemmen li l-futur tiegħi fil-futbol huwa wieħed sabiħ u nixtieq li jkolli post anke fin-nazzjonal.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Min irid jagħmel suċċess fil-football irid jaħdem ħafna, irid dejjem jagħmel xi haġa żejda li tisseparah mil-plejers l-oħra u dejjem trid tibqa temmen anke meta l-affarijiet ikunu ġejjin ħażin!