Monday, March 16, 2026

‘Jekk nibqgħu naħdmu bl-istess mentalità u determinazzjoni, nistgħu nkomplu niksbu riżultati sbieħ’ – Giannis Katrouzanakis

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema ASC kitbu paġna oħra importanti fl-istorja mhux biss tal-waterpolo Malti iżda anke tal-isport lokali meta temmew il-kampanja tagħhom fil-LEN Challenger Cup b’rebħa u kisbu it-tielet post fil-kompetizzjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat ifisser l-ewwel midalja Ewropea għal Malta fil-waterpolo fuq livell ta’ klabbs u suċċess kbir li jkompli jikkonferma l-progress li qed jagħmel dan l-isport internazzjonalment.

Il-kowċ Grieg Giannis Katrouzanakis, li diġà kiseb reputazzjoni qawwija fix-xena tal-waterpolo Malti, mexxa lit-tim lejn dan is-suċċess wara kampanja mimlija sfidi u prestazzjonijiet b’saħħithom.

Fil-passat, Katrouzanakis ġie wkoll ivvutat bħala Premier League Coach of the Year 2024 mill-ASA, rikonoxximent li jikkonferma l-impatt li kellu fuq it-tim u fuq il-livell tal-waterpolo lokali.

Il-fażi finali tal-kompetizzjoni saret f’Istanbul, fejn Sliema ASC Nexawin kellhom jaffaċċjaw diversi timijiet b’saħħithom minn madwar l-Ewropa. Sliema bdew b’rebħa drammatika kontra r-rivali Maltin San Ġiljan ASC, meta rebħu 16-15 f’partita mimlija tensjoni li kienet deċiża biss fl-aħħar mumenti.

Fil-logħba ta’ wara, il-Blues komplew juru s-saħħa tagħhom meta għelbu lil Heybeliada ASC b’mod konvinċenti 25-11. Din kienet prestazzjoni dominanti fejn l-attakk ta’ Sliema kien kważi bla waqfien, u t-tim wera kemm kien ippreparat għal dan il-livell Ewropew.

Madankollu, l-isfida kontra Galatasaray SK kienet ferm aktar diffiċli, bi Sliema jispiċċaw jitilfu 23-5 kontra t-tim Tork li aktar tard wasal sal-finali tal-kompetizzjoni. Minkejja din it-telfa, Sliema xorta rnexxielhom jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

Tul il-fażi tal-gruppi, Sliema wrew karattru u kwalità li ftit kienu jistennew f’dan il-livell Ewropew. Ir-rebħa ta’ 16-15 kontra San Ġiljan kienet waħda mill-aktar logħbiet intensi tal-kompetizzjoni, b’żewġ timijiet Maltin jiltaqgħu fuq palk Ewropew u jagħtu wirja ta’ livell għoli. Kienet partita li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi u li uriet kemm il-waterpolo Malti għamel passi ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin.

Aktar tard, il-prestazzjoni dominanti kontra Heybeliada ASC speċjalment b’rebħa impressjonanti ta’ 25-11, kienet turija ċara tal-qawwa offensiva ta’ Sliema, b’attakk li ħadem b’ritmu għoli u difiża organizzata li ftit tat spazju lill-avversarji. Minkejja t-telfa kontra Galatasaray SK, tim b’esperjenza kbira fil-kompetizzjonijiet Ewropej, Sliema ma qatgħux qalbhom u komplew juru mentalità ta’ tim kompetittiv.

Din il-konsistenza kienet kruċjali biex it-tim jasal sal-fażijiet deċiżivi tal-kompetizzjoni. Il-plejers ta’ Sliema wrew ukoll livell għoli ta’ dixxiplina tattika, xi ħaġa li spiss ġiet attribwita għall-metodu ta’ xogħol tal-kowċ Giannis Katrouzanakis, li sa mill-bidu tal-istaġun enfasizza l-importanza tal-preparazzjoni, il-kundizzjoni fiżika u l-għaqda bejn il-plejers. Din il-filosofija kienet evidenti tul il-kampanja kollha Ewropea tal-Blues.

Fis-semi-finali, Sliema affrontaw lit-tim qawwi mil-Litwanja EVK Zaibas. Din il-partita kienet waħda bilanċjata ħafna u mimlija emozzjoni, iżda fl-aħħar mill-aħħar kienu Zaibas li ħarġu rebbieħa b’riżultat ta’ 18-16. Minkejja kollox, il-plejers ta’ Sliema wrew karattru u determinazzjoni kbira u komplew jiġġieldu sal-aħħar.

Il-mument kruċjali wasal fil-partita li kienet tfisser midalja tal-bronż, fejn Sliema reġgħu sabu ruħhom kontra ENKA Sport Club. F’logħba mill-aktar kompetittiva, il-Blues irnexxielhom joħorġu rebbieħa b’riżultat ta’ 17-15, u b’hekk kisbu it-tielet post fil-kompetizzjoni, riżultat storiku li se jibqa’ mniżżel fil-kotba tal-isport Malti.

Wara l-partita dan is-sit ħa l-kummenti tal-kowċ Giannis Katrouzanakis li min-naħa tiegħu ma ħebiex il-ferħ tiegħu għal dan is-suċċess.

“Hemm emozzjoni ” pożittiva li għamilna xi ħaġa kbira,” qal il-kowċ Grieg. “Naturalment konna wkoll ftit diżappuntati għax tlifna s-semifinali b’ċertu sfortuna u kienet tkun opportunità kbira biex naslu sal-finali. Imma fl-istess ħin naħseb li għamilna pass ’il quddiem.”

Hu enfasizza li dan ir-riżultat għandu tifsira ferm akbar minn sempliċi midalja.

“Dan hu suċċess kbir mhux biss għalina Sliema iżda għall-waterpolo kollu Malti,” kompla Katrouzanakis. “Hija l-ewwel midalja Ewropea għal Malta u naħseb li dan il-fattur huwa importanti ħafna. Ninsab kburi ħafna bil-plejers tiegħi u b’dak li rnexxielna niksbu flimkien.”

Il-kowċ ta’ Sliema faħħar ukoll l-ispirtu tat-tim u l-impenn tal-iskwadra kollha.

“Mill-ewwel plejer sal-aħħar wieħed, kulħadd ta l-aħjar tiegħu. Dan huwa tim li jaħdem ħafna u li dejjem jiġġieled. Għalija dan huwa l-iktar importanti.”

Katrouzanakis irrimarka wkoll li s-suċċess ta’ Sliema għandu jkun suċċess għall-pajjiż kollu.

“Nixtiequ nagħtu ferħ mhux biss lill-partitarji ta’ Sliema iżda lil Malta kollha. Meta nilagħbu fl-Ewropa nkunu qed nirrapreżentaw lil pajjiżna.”

Il-kowċ Grieg ilu jikkowċja f’Malta għal dawn l-aħħar snin hu meqjus bħala wieħed mill-arkitetti tas-suċċess riċenti tal-klabb. Taħt il-gwida tiegħu, Sliema mhux biss rebħu diversi logħbiet importanti iżda wkoll għollew il-livell professjonali tat-tim u tal-preparazzjoni tagħhom.

Fil-fatt, Katrouzanakis kien diġà mexxa lil Sliema biex jiksbu riżultati importanti fl-Ewropa, inkluż kwalifikazzjoni storika għall-fażijiet avvanzati tal-kompetizzjonijiet kontinentali.

Dan il-bronż fiċ-Challenger Cup huwa pass ieħor importanti għal Sliema u jista’ jservi ta’ motivazzjoni kbira għall-futur.

Katrouzanakis temm billi esprima t-tama li dan is-suċċess ikun biss il-bidu.

“Fl-aħħar mill-aħħar imxejna pass ‘il quddiem u għalhekk issa rridu nkomplu nibnu fuq dan. Jekk nibqgħu naħdmu bl-istess mentalità u determinazzjoni, nistgħu nkomplu niksbu riżultati sbieħ.”

B’dan ir-riżultat storiku, Sliema ASC mhux biss għamlu ġieħ lill-klabb tagħhom iżda wkoll poġġew lill-waterpolo Malti fuq il-mappa Ewropea b’mod li qatt ma kien sar qabel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport