Sunday, November 10, 2024

“Jekk nitlef lit-tifla ż-żgħira wkoll … immut jien b’dulur kbir”

Aqra wkoll

Nawal attivista titkellem ma’ Talk.mt dwar id-dgħajsa b’60 immigrant li għamlet jiem fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija tistenna li tkun salvata. Din wasslet biex mietet tifla ta’ 4 snin f’idejn ommha u mara oħra tilfet it-tarbija bi tmien xhur tqala.

Telqu mil-Libanu fis-26 ta’ Awwissu. Damu għaxart ijiem f’dgħajsa fil-Lvant tal-Mediterran jitolbu l-ewwel għajnuna is-Sibt 3 ta’ Settembru. L-awtoritajiet Maltin u Taljani ikunu infurmati. L-immigranti abbord, li kienu 60 fosthom kien hemm ukoll tfal żgħar, kienu f’kuntatt ma’ attivista għad-drittijiet umani, bl-isem ta’ Nawal.

Għamlet minn kollox biex tgħinhom sa tefgħatilhom kreditu fis-‘satellite phone’ biex jinżamm il-kuntatt. Fi kliem Nawal stess, l-awtoritajiet Maltin għamlu kuntatt magħha u qalulha li qed jaħdmu fuq il-każ il-Ħadd wara nofsinhar.  Kemm il-Greċja u kemm l-Italja ikkonfermaw ukoll li d-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Minkejja dan, sat-Tnejn, 5 ta’ Settembru tard filgħaxija, dawn l-immigranti kienu għadhom f’nofs ta’ baħar, segwiti biss minn bastiment.

L-immigranti abbord bit-tfal inkluż spiċċaw bla ikel u bla xorb. Kienu jippruvaw itaffu in-nixfa li kellhom billi jixorbu ftit ilma baħar. Kien proprju t-Tlieta li l-immigranti, li huma Sirjani, ġew salvati imma tifla ta’ 4 snin bl-isem ta’ Loujin, tant kienet f’kundizzjoni kritika li ntbagħtet lejn sptar f’Heraklion. Kienet evakwata b’helikopter. Mietet f’idejn ommha bl-aħħar kliem ikun ‘Ma għandi l-għatx’. Fl-istess każ omm li kellha tmien xhur tqala tilfet it-tarbija.

Talk.mt fl-aħħar jiem segwa fid-dettal dak li kien qed jiġri. Tkellimna ma’ Nawal li kienet f’kuntatt dirett ma’ dawn l-immigranti, li huma Sirjani. 

Nawal tgħid ċar u tond li l-politika Ewropea għandha tort għal din il-mewt. Tgħid li t-tifla Loujin għandha oħta Mira ta’ sena u nofs. Kienet fuq l-istess dgħajsa. Illum Mira qed tiġġieled għal ħajjitha. Dan minħabba dak li għaddiet minnu u li għal ħafna ħin hi spiċċat tixrob l-ilma baħar.  Il-kundizzjoni ta’ Mira hi prekarja ukoll. 

Omm, Mira u Loujin, tiddikjara ma’ Nawal li ‘jekk nitlef lit-tifla ż-żgħira wkoll, immut anke jien … immut b’dulur kbir’.

Talbu għall-għajnuna is-Sibt kmieni waranofsinhar … sat-Tnejn filgħaxija kienu għadhom f’nofs ta’ baħar

Minn informazzjoni li għandu Talk.mt,  id-dgħajsa li telqet mil-Libanu għamlet l-ewwel sejħa għall-għajnuna proprju s-Sibt 3 ta’ Settembru. Is-sejħa saret fit-tlieta neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar. Dak il-ħin kemm l-awtoritajiet Maltin u kemm l-awtoritajiet Taljani kienu infurmati b’din id-dgħajsa li talbet l-għajnuna.”

Nawal iddikjarat ma’ Talk.mt li “f’dak il-mument jien ġejt infurmata b’komunikat li d-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Kont infurmata li minħabba f’hekk għandi  nibqa’ nagħmel kuntatt ma’ Malta. Tlift it-tama f’Malta u bdejt nagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Griegi imma dawn infurmawni li ma jistgħu jagħmlu xejn għax din id-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.”

Nawal tiddikjara li “bqajt f’kuntatt magħhom matul il-lejl kollu. Il-Ħadd filgħodu jien imlejtilhom it-telefon tat-tip Turaya, li hu ‘satellite phone’ bil-kreditu għax kien hemm riskju li jispiċċa l-kreditu u jintilef il-kuntatt. Dan kien għall-ħabta tal-ħdax u nofs u ħamsa ta’ filgħodu.”

Il-Ħadd waranofsinhar Malta tikkomunika miegħi u jgħiduli li ‘qed naħdmu fuq dan il-każ’

Fil-kummenti lil Talk.mt hi qaltilna li “l-Ħadd waranofsinhar Malta għamlet kuntatt miegħi. Kien fil-ħamsa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar meta jien irċevejt messaġġ mill-awtoritajiet Maltin u fih qaluli li “qegħdin naħdmu fuq dan il-każ. Qegħdin naraw li nagħmlu l-arranġamenti meħtieġa. Hemm bastiment qrib id-dgħajsa”.  Infurmawni ukoll li ‘hi kwistjoni ta’ ħin’. 

L-immigranti infurmawni li qed jaraw vapur fil-viċin

“Kien f’dan il-ħin li l-istess immigranti infurmawni li qegħdin jaraw bastiment fil-viċin.  Qaluli li l-bastiment jismu Stl Solace.

Tiddikjara li “aktar tard l-istess immigranti għamlu kuntatt miegħi u qaluli li l-awtoritajiet Maltin mhumiex jgħidu l-verità u dan għax ma ntbagħat ebda bastiment biex iwettaq is-salvataġġ”. Dan il-messaġġ irċevejtu l-Ħadd fl-10.00 ta’ filgħaxija”, tiddikjara Nawal. 

Ħsibt li ġew salvati … ma bdewx ituni informazzjoniwara nofsinhar l-immigranti jgħiduli li għadhom fil-baħar

Nawal tgħidilna li “l-għada, it-Tnejn 5 ta’ Settembru jien kont qed naħseb li kienu ġew salvati. Ma bdewx ituni informazzjoni fuq is-salvataġġi. Ġara imma li għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar l-immigranti infurmawni li kienu għadhom f’nofs ta’ baħar”.

It-Tlieta imbagħad isir magħruf li mietet it-tifla ta’ erba’ snin u mara bi tmien xhur tqala tilfet it-tarbija 

Nawal tgħidilna li “imbagħad it-Tlieta inkunu infurmati bl-aħbar mill-familjari li Loujin, tifla ta’ erba’ snin li kienet fuq id-dgħajsa mietet bil-għatx wara li ntilfet minn sensiha”.  

Hi mietet fi triqitha lejn sptar f’Heraklion fi Kreta.  Fuq l-istess dgħajsa kien hemm mara li kellha tmien xhur tqala li spiċċat tilfet it-tarbija.  

Loujin … it-tifla ta’ erba’ snin mietet tort tal-politika Ewropea

Nawal, wara l-mewt ta’ t-tifla Loujin tiddikjara bla tlaqliq li “Loujin mietet tort tal-politika Ewropea. Mietet fi ħdan ommha. L-aħħar kliem tagħha kien ‘ma għandi l-għatx’.  Ma naħsibx li hemm ħafna kliem xi tgħid. Ir-ritratt tagħha jitkellem waħdu. Skużani. Għamilt dak kollu li stajt. Xi ħadd imma ddeċieda li ma tintbgħatx għajnuna għalik. Skużani, imma qalbi kienet tħabbat b’mod mgħaġġel ħafna kull xħin dak it-Turaya minn fuq dik id-dgħajsa kien jagħmel kuntatt miegħi. Naf fi żgur issa li żewġ adulti oħra jinsabu nieqsa, għax waqgħu fl-ilma waqt li kien qed isir is-salvataġġ”. 

Peppi Azzopardi kiteb poeżija dwar il-mewt ta’ Loujin. Hu kiteb hekk:

Nibku t-telfa tar-Reġina, ta’ sitta u disgħin,

Ħallietna kollha imbikkmin, 

U t-tifla ta’ erba’ snin, li mietet

ftit ilu fid-dgħajsa

għax tkarrbet għall-għajnuna

u bqajna għaddejjin.

It-tifla riedet tixrob u għax mhix Maltija

sqejniha l-apatija 

Id-dgħajsa fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ

u ħallejna lit-tifla tmut bil-għatx

U l-Gvern jibqa’ jittama

li nbiddlu t-twemmin tagħna

u flok inkunu Nsara, inħarsu x’imkien ieħor

għax qajla jimpurtana

U napprovaw tmexxija, li lil ħutna li jaħarbu

mill-gwerra u mit-tortura

flok jagħtihom il-kura, 

bla qalb jibagħthom lura.

Issa żżejjed. 

U please għal din it-tifla

tagħmlux minuta silenzju

Ilna silenzjużi biżżejjed

Sport