Sunday, November 24, 2024

“Jekk tagħraf li għandek bżonn min iħenn għalik u min iħobbok, Jum il-Milied hu għalik”

Aqra wkoll

“Jekk tagħraf li għandek bżonn min jerfgħek, min iħenn għalik u min iħobbok, allura tassew dan il-jum hu għalik,” qal l-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl. 

Huwa stieden lil kulħadd sabiex dan il-Milied inħallu l-glorja tal-Mulej iddawwal il-qlub tagħna għaliex dik hi l-espressjoni tal-ħniena tiegħu. Qal li kull meta niċċelebraw il-Milied, it-twelid tas-Salvatur, inkunu qed infakkru l-ħniena tal-Mulej magħna għaliex “hu jafna, jaf minn xiex aħna magħġunin u sar bniedem biex jerfagħna mid-dlamijiet li għażilna għax bżajna mid-dawl, mill-hemm li ġibna b’idejna. Min jaf kemm-il darba fl-istorja tagħna, tas-soċjetà tagħna, ta’ pajjiżna, u tad-dinja mingħalina se nagħmlu xi ħaġa ta’ bravi u nkunu qegħdin ninsġu baħar inkwiet. Niżirgħu r-riħ u naħsdu r-riefnu. Iżda Alla jibqa’ jħenn għalina fl-istorja individwali tagħna u fl-istorja tagħna bħala soċjetà”.

Intant, waqt il-quddiesa f’Jum il-Milied l-Arċisqof qal li l-Milied jiġi sabiex ikollna ċans naduraw dan il-misteru kbir ta’ mħabba ta’ Alla lejna l-bnedmin meta ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu u sar wieħed minna permezz ta’ Ibnu.

“F’din il-festa tal-Milied jiena msejjaħ li fil-ġisem, fil-kelma u fil-ħarsa tiegħi jiena nsir imħabba. Imma l-kelma tiegħi hija ta’ mħabba? Il-ħarsa tiegħi hija ta’ mħabba? Dak kollu li nagħmel, dak kollu li ngħix, huwa mħabba? Dan hu l-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw illum.”

Sport