Tuesday, May 14, 2024

“Jekk taqbad lapes, tista’ toħloq id-dinja u jekk titla’ fuq palk, għandek iċ-ċans tesponi t-talenti tiegħek”

Aqra wkoll

Rebecca Dimech hi attriċi li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. Ħadmet f’diversi produzzjonijiet televiżivi Deċeduti, Min Imissu, L-Għarusa u Noli. Apparti minn hekk kellha sehem f’diversi films rinomati bħal Assassin’s Creed, 13 Hours, Entebbe, Gladiator, Helen of Troy u Troy bħala crew. Ħadmet bħala attriċi f’Foundation li huwa tele-series fuq Apple TV fejn kienet mexxejja tal-konkubini.

Ipparteċipat ukoll f’diversi dokumentarji interattivi fi stazzjonijiet bħal History Channel, National Geographic, Smithsonian Channel u Rai Uno.

Rigward il-History Channel, ħadmet fi Gladiatrix Epic Women of History fejn ħadmet fil-karattru ta’ Aldara li hija storja fuq gladjatriċi ta’ dak iż-żmien. Dan id-doku-drama infirex fuq l-istazzjonijiet tal-istorja kollha. 

Ta’ nota huwa l-fatt li n-narratriċi ta’ Gladiatrix Epic Women of History kienet proprju Lindar carter – il-Wonder Woman l-antika, li Rebecca kibret iffissata fuqha – żgur li qatt ma kienet tobsor li kienet se tkun narratriċi ta’ dokumentarju li tieħu sehem fih Rebecca!

Ħadmet ukoll l-aħħar doku-drama fuq l-istorja ta’ Malta jismu God Soldiers fuq l-Assedju l-Kbir għall-History Channel u National Geographic. Hawnhekk, kienet ukoll lead actress u kienet l-unika tfajla attriċi li kien hemm fejn kien jismha Maria – m’ilux deher ukolll fuq TVM.

Twieledet fis-26 ta’ Frar 1984 u llum il-ġurnata għandha 38 sena. Ta’ min jgħid li apparti r-rwol ta’ attriċi u mudella, Rebecca għandha talent ieħor moħbi li forsi ftit kienu jafu bih. Dak tal-arti u t-tpinġija. Dan l-aħħar hi reġgħet qabdet dan it-talent li kien ilu nieqes minnha għal ħafna snin. Iżda kif bdiet dan id-delizzju?

“Biex ngħidlek il-verita’ t-tpinġija kienet l-ewwel ħaġa li qbadt bħala delizzju sa minn meta kont żgħira. Niftakarni ta’ ħames snin kont naqbad lapes u nibda npinġi ħafna stampi. Ommi ndunat li kont persuna li niġi ispirata minn diversi affarijiet. Fil-fatt għadni sal-lum nispira ruħi b’diversi affarijiet. Inkun fil-karozza, nara xi ħaġa, nimmemorizzaha u la mmur id-dar immur u noħloqha!”

Rebecca tgħidilna kemm hi batiet ħafna meta kienet żgħira għas-sempliċi raġuni li kienet dyslexic u għalhekk kif qalet hi stess, kienet tiġi mwarrba.

“Dak iż-żmien ma kienx hawn għarfien fuq id-dyslexia u għalhekk kienu jwarrbuk ġo rokna u tagħmel dak li jfettillek. Jien min-naħa tiegħi kont naqbad pinzell, lapes jew biro u nibda npinġi. Fl-istess ħin kont anke nipprattika l-ġinnastika bħala sport fejn hemmhekk kont inħossni niżvoga.”

Din in-namra għall-pittura kompliet iżżid tant li meta kienet għadha żgħira, Dimech kienet kapaċi toħloq kwadri verament sbieħ. Madankollu forsi minħabba x-xogħol u impenji oħra, dan it-talent warrbitu għal ħafna snin.

Wieħed minn dawn l-impenji bla dubju hu r-reċtar, talent li Rebecca Dimech tispikka ħafna fih. Iżda kif bdiet l-imħabba tagħha lejn ir-reċtar?

“Ma niftakarx perjodu meta ma kontx inħobb ir-reċtar. Fil-fatt din hi xi ħaġa li titwieled biha. Niftakar biss li meta kien ikollna l-festin tal-Milied bejn il-membri tal-familja, niftakarni naqbad lill-kuġini kollha, noħodhom f’kamra u nivvinta xi play biex nirreċtawha. Minn dejjem niftakarni nikkummiedja, niċċajta u nirreċta.”

Rebecca tgħidilna li tħobb dak kollu li hu artistiku jekk ikun, televiżjoni, radju jew proġetti oħrajn. Hi tistqarr li bħala persuna tgħix għall-arti.

Rebecca kellha wkoll rwol ieħor partikolari, dak ta’ mudella.

“Meta int tkun mudella qed tara l-arti mod ieħor. Fil-fatt meta int timmudella qed toħloq diversi movimenti artistiċi li jsaħħru lil dawk preżenti. Hemm aktar milli sempliċement timmudella. Trid tara l-kuntrasti tal-kuluri, kif tipproġetta ruħek bħala mudella u anke d-dwal. Kollox joħloq sinerġija sabiex il-wirja tiegħek tkun waħda tajba.

Erġajna qbadna diskursata proprju fuq l-arti u t-tpinġija b’Rebecca li għajnejha xegħlu meta semmejna dan il-passatemp ferm għal qalbha.

“Il-ħajja u dak li għandna madwarna hi arti. Kull ħaġa li qed tara tista’ tiġi mpinġija. Forsi aktar minn hekk, tista’ ddaħħal l-interpretazzjoni tiegħek fil-pittura nnifisha. L-ispirazzjoni tiġi waħedha. Naqbad il-pinzell u nibda npinġi. Minn hemm noħloq kwadretti, xeni, veduti, xi drabi wkoll persuni u wara li nibda nħażżeż, inħassar u nerġa’ nibda jew inkompli fejn jogħġobni. Kollox isir bil-mod iżda r-riżultat finali jkun wieħed sabiħ!”

Saqsejna lil Rebecca Dimech jekk artist jistax jgħix bl-arti biss u eventwalment isir xogħol full-time.

“Mhux li kien jaħasra li jkollna opportunitajiet li artisti, anke atturi u mudelli, jagħmluh xogħol relatat mal-arti fuq bażi full-time. Kieku żgur li jkun hawn ħafna aktar nies jaqbdu din il-professjoni.”

Dimech għandha wkoll talent ieħor sabiħ, dik li tikteb scripts li jkunu destinati għal xi xogħol teatrali. Din hi xi ħaġa li wkoll tagħtiha ħafna sodisfazzjon.

Dimech issostni li hawn artisti u pitturi li jaħdmu dan ix-xogħol fuq bażi full-time għalkemm iridu jirsistu ħafna sabiex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom. Madankollu hi fiduċjuża li fil-futur dan kollu jista’ jkun possibbli għax l-opportunitajiet qed jiżdiedu. 

Kif qed tarah il-futur tagħha Rebecca Dimech?

“Bla dubju li issa li rġajt qbadt il-pittura, beħsiebni nkompli sejra. Barra minn hekk qed naħseb ukoll fi proġetti oħrajn fuq livell teatrali għax dak hu xogħol li hu ferm għal qalbi. L-idea li trid tinterpreta karattru, tidħol ġo fih bil-burdati kollha nvoluti hi xi ħaġa li taffaxxinaha ħafna. Hi ġabet l-eżempju ta’ Septa, karattru li nterpretat fis-sensiela L-Għarusa, fejn hi persuna ferm differenti minn dak li hi verament. Hi tittama wkoll li jkollha ċ-ċans taħdem f’xi produzzjonijiet barranin fosthom dokumentarji u films ċelebri, xi ħaġa li ħadet ħafna pjaċir tagħmilha fil-passat.

Finalment xtaqna li Rebecca Dimech twassal l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fir-reċtar, immudellar u t-tpinġija.

“Dawn l-affarijiet kollha li semmejt kollha jmissu mal-arti. L-arti hi ferm sabiħa għax iġġiegħlek timmaġina, toħloq fantażija li mbagħad toħroġha fil-beraħ.”
“Jekk ikun hemm iċ-ċans, aqbad u ħudu u titlef l-ebda ħin. Qatt m’hu tard. Jien erġajt qbadt it-tpinġija wara ħafna żmien u issa qed nieħu gost niskopri u nesperimenta. Jekk taqbad lapes, tista’ toħloq id-dinja u jekk titla’ fuq palk, għandek iċ-ċans tesponi t-talenti tiegħek. Għalhekk taqtax qalbek, kun int innifsek u l-affarijiet jiġu waħedhom.”

Sport