Minn Cristian Musat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Minn dejjem kont inħobb il-ballun u nqatta’ sigħat nilgħab, kemm mal-ħbieb kif ukoll waħdi. Aktar ma bdejt nikber, aktar bdejt nifhem li l-futbol mhux biss logħba imma passjoni u dixxiplina li tifforma l-karattru.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Floriana FC.
Ma’ Floriana FC qed ngħix esperjenza pożittiva ħafna. Hu klabb storiku li jagħtik ambjent professjonali fejn tista’ tikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Inħossni appoġġjat mill-coaches u sħabi fit-tim, u dan jgħinni nagħti l-aħjar tiegħi f’kull sessjoni u logħba.
U dik mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena?
Li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali hija unur kbir. Huwa sentiment diffiċli biex tispjegah bil-kliem. Tirrapreżenta lil pajjiżek u taf li qed tagħti kollox mhux biss għalik, imma għal Malta kollha.
X’tikkummenta fuq l-aħħar żewġ gowls li skurjajt bil-flokk tat-tim nazzjonali?
Dawk il-gowls kienu mumenti speċjali ħafna għalija. Huma frott ta’ xogħol iebes u sagrifiċċji. Imma fuq kollox, huma riżultat ta’ ħidma kollettiva tat-tim kollu, għax mingħajr sħabi ma jkunx possibbli.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol tal-youths f’pajjiżna?
Naħseb li l-livell tal-youths f’Malta qed jitjieb sena wara sena. Hemm ħafna talent u plejers motivati, imma hemm bżonn aktar kontinwità, paċenzja u investiment biex dawn it-talenti jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Ir-riżorsi tjiebu, imma għad hemm fejn intejbu. Grawnds aħjar u faċilitajiet moderni jagħmlu differenza kbira fit-taħriġ u fil-prestazzjoni. Huwa investiment importanti għall-futur tal-futbol Malti.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?
Is-settur tal-grassroots huwa l-bażi ta’ kollox. Mingħajru ma jistax ikun hemm futur. Huwa hemm fejn it-tfal jitgħallmu l-valuri tal-futbol, id-dixxiplina, ir-rispett u l-imħabba għal-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Jinteressak il-prospett li tilgħab barra minn xtutna?
Inħares lejn il-futur b’umiltà u determinazzjoni. L-għan tiegħi hu li nkompli naħdem u nitjieb kuljum. Naturalment, il-possibbiltà li nilgħab barra minn Malta tinteressani ħafna, imma naf li kollox jiġi fiż-żmien it-tajjeb permezz tax-xogħol u d-dedikazzjoni.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jieħu l-futbol bis-serjetà f’ħajtu.
Il-messaġġ tiegħi hu li qatt m’għandek taqta’ qalbek. Is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada. Kun dixxiplinat, aħdem iebes, isma’ dejjem mill-kowċis u żomm saqajk mal-art. Jekk tassew temmen fil-ħolma tiegħek u tagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa, kollox hu possibbli!

