Wednesday, April 24, 2024

Jekk tirrifjuta li tipparteċipa tkun qed toħnoq id-diskussjoni ħielsa inti stess 

L-Ispeaker jgħid li l-imġiba taż-żewġ naħat ma kienet xejn feliċi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Nhar il-Ħamis filgħaxija dibattitu Parlamentari dwar mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex il-Gvern jiftaħ kawża lill-Vitals u Steward ħalli jirkupra l-flus tat-tliet sptarijiet, kien karatterizzat minn interruzzjonijiet, għajat, storbju u isteriżmu sħiħ. L-Oppożizzjoni bdiet toġġezzjona li ssir emenda u wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia iddikjara li kull membru għandu dritt iressaq emenda għall-mozzjoni, l-Oppożizzjoni rreaġixxiet billi abbandunat id-dibattitu u ħarġet ‘lbarra. L-Ispeaker Anġlu Farrugia mitlub jikkummenta minn IT-TORĊA dwar dak li ġara l-Ħamis filgħaxija iddikjara li “l-Ispeaker għandu d-dover skont l-istanding orders li għal kull mozzjoni li jkun hemm tista’ tirressaq emenda. Din mhux kwistjoni taqbilx magħha jew le.  L-opportunità għall-emenda trid tingħata. Jekk tirrifjuta li tipparteċipa tkun qed toħnoq id-diskussjoni ħielsa inti stess”.

Ftehim li d-diskussjoni tkun ta’ 75 minuta kull naħa

L-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-kumment lil IT-TORĊA qalilna li “kien hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra li d-dibattitu fuq il-mozzjoni kellu jkun ta’ 75 minuta kull naħa. Waqt li kien qed jitkellem il-Prim Ministru hu kien laħaq tkellem għal madwar 66 minuta u kien fadal 10 minuti għall-Gvern waqt li l-Oppożizzjoni kien fadlilhom ħafna aktar ħin.  Li ġara kien li kif spiċċa jitkellem il-Prim Ministru, kellu jagħmel intervent il-Ministru Jonathan Attard biex iressaq emenda għall-mozzjoni.  F’dan il-mument l-Oppożizzjoni bdiet toġġezzjona fuq ħafna punti. Bdew jgħidu li riedu li d-diskussjoni tingħalaq fis-7.00 ta’ filgħaxija”.

“Kont tajt il-kelma li jekk jittieħed aktar ħin dan il-ħin żejjed jingħata ukoll lill-Oppożizzjoni

L-Ispeaker Anġlu Farrugia iddikjara li “jien kont tajt il-kelma li jekk se jittieħed ħin aktar minn dak miftiehem, dak il-ħin żejjed li jittieħed jingħata ukoll lill-Oppożizzjoni.  Kulħadd kellu dritt iressaq emenda għall-mozzjoni. Jien nemmen f’dibattitu ħieles.  L-Oppożizzjoni ma qablux li kellha titressaq emenda.  Ma qablux ma’ dik id-deċiżjoni u l-Oppożizzjoni iddeċidew li jitilqu ‘lbarra.  Irrid nagħmilha ċara, li l-fatt li l-Oppożizzjoni titlaq ‘barra ma jfissirx li se jieqaf il-Parlament.  Il-ħidma fil-Parlament kompliet u għaddiet għall-vot”.

Tenna li “seduta saret kollha ħlief li l-Oppożizzjoni ma riditx tipparteċipa. Hi kontradittorja li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li ma tajtux il-ħin kollu. Anzi hu l-kontra għax il-ħin tajtulu kollu. Li ġara kien li l-ħin ma kienx  ikkunsmat kollu.  Ngħid li l-imġiba ma kienet xejn feliċi tal-membri u dan miż-żewġ naħat. U ovvjament intalbu xi rulings. Ngħid li s-seduta saret u b’ħeġġa u klima mhux tas-soltu.”

L-Ispeaker qalilna ukoll li dak li ġara l-Ħamis ma kienx eċċezzjoni għax kien hemm okkażjonijiet fejn tressqet emenda wara li kien eżawrit il-ħin tad-diskussjoni. 

Tenna li “l-opportunità għall-emenda trid tingħata.  Jekk jirrifjuta li tagħmel dan tkun qed tipparteċipa biex toħnoq id-diskussjoni ħielsa inti stess”.

Sport