Friday, August 15, 2025

‘Jekk tkun imdawwar b’nies li jridulek l-ġid, taħdem u tagħmel is-sagrifiċċji li jkun hemm bżonn, iktar hemm ċans li tasal għall-għanijiet tiegħek’ – Ryan Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn etá żgħira grazzi għal familti li min dejjem kienu involuti mal-club tal-Mġarr ukoll u għadhom sal-lum il-ġurnata. Minn ta’ erba’ snin niftakarni dejjem nilgħab bil-ballun. Ta’ sitt snin dhalt fin-nursery tal-Mġarr United FC u waqaft nilgħab fl-etá ta’ 23 sena biex niffoka aktar fuq kowċing. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Mġarr United FC.

F’nofs l-istaġun 2023-2024 il-kumitat offrewli l-opportunitá li nikkowċja t-tim tan-nisa. Dak iż-żmien kont fil-ħames sena nikkowcja t-tim tal-minors tal-irġirl ta’ Mġarr, u ħassejt li wara ħames snin din kienet opportunitá sabiħa u li nibdel u nipprova xi ħaġa ġdida fil-karriera tiegħi.

Għal dawk l-aħħar xhur bqajt bir-rwol doppju ma’ żewġ timijiet, imma f’moħħi kont naf li l-istaġun ta’ wara kont ħa nkun kowċ tat-tim tan-nisa biss. Il-fatt li t-tim tan-nisa tagħna kien għadu qatt ma rebaħ kampjonat jew knock-out kienet waħda mill-motivazjonijiet tiegħi biex nagħmel din il-bidla għax ħassejt li bħala skwadra dejjem kien hemm timijiet tajbin u sfortunatament qatt ma rnexxielhom jirbħu Tazza.

Konna nafu li bi ftit tibdil żgħir, konna se nkunu iktar kompetittivi, u l-istaġun li għadda bdejna l-proċess biex insaħħu l-iskwadra, kemm bħala coaching staff, u anke bħala plejers. Nistgħu ngħidu li grazzi għax-xoghol li għamel il-kumitat matul l-istaġun li għadda, illum għandna set-up ta’ coaching staff f’kull dipartiment li l-plejers għandhom bżonn, u barra minn hekk għamilna akkwisti ta’ plejers li konna nafu li ħa jagħtu imbuttatura lit-tim biex jagħmel il-pass li jmiss. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv ħafna għat-tim taghna. L-ewwel għan kien li nnaqsu d-distakk mit-tim tal-ewwel post tal-klassifika u li nkunu kompetittivi kontra l-aqwa tliet timijiet li hemm fil-kampjonat.

Konna nafu li l-bidu kien se jkun l-itqal; kellna tibdil fl-iskwadra u l-plejers ħadmu b’sistema li qabel ma kinux jaħdmu biha. Fil-fatt x’ħin tara l-aħjar riżultati ġew fit-tieni nofs tal-istaġun, meta nqsamna u bdejna nikkompetu mat-Top 4. Għalaqna l-kampjonat fit-tieni post, u dik tat boost kbira lill-plejers tagħna għan-knock-out.  Fin-knock-out kellna tliet prestazzjonijiet tajbin ħafna u fl-aħħar irnexxielna nġibu l-ewwel Tazza għat-tim femminili tal-Mġarr!

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

L-istaġun li ġej ħa jkun wieħed fejn ħa nipprovaw inkomplu nibnu fuq li bdejna matul l-istaġun li għadda. Bħala ‘coaching staff’ u kumitat qbilna li ma jkunx hemm tibdiliet kbar fl-iskwadra, għax inħossu li bil-plejers li kellna l-istaġun li għadda u forsi plejer jew tnejn ġodda, it-tim jista’ jwassalna għat-tragward li nixtiequ naslu fih! 

Ninsabu ħerqana ħafna biex nibdew dan l-istaġun għax nafu li l-Kampjonat ħa jkun missielet ħafna bejn sitt timijiet ta’ livell għoli, u barra mill-kampjonat, għandna tliet trofej oħra li se nkunu qed nikkompetu fihom. 

Xogħolna hu li nipreparaw l-iskwadra bl-aħjar mod possibli u nagħtu l-almu kollu tagħna f’kull logħba … imbagħad naraw fejn dan l-isforz iwassalna fl-aħħar tal- istaġun!

Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?

Fil-futbol tan-nisa hawn Malta hawn ħafna pożittiv kif ukoll negattiv. Waħda mill-aktar affarijiet posittivi li hawn hi li hawn ħafna nisa ta’ etajiet varji jilagħbu barra minn xtutna f’livelli tajbin u dik qegħdin naraw il-frott tagħha x’hin tara r-riżultati tat-tim nazzjonali Malti.

Peró, inħoss li bħala kampjonat inġenerali ta’ Malta, għadna ftit lura, speċjalment x’ħin tara li fil-futbol tal-irġiel hemm fuq 50 klabb jikkompetu fil-kampjonati tal-MFA , u fil-kampjonat tan-nisa  kulma hemm huma tmien timijiet biss.

Barra minn hekk, inħoss li jekk irridu nibqgħu ntejbu l-livell globali tal-futbol tan-nisa, għandna bżonn aktar nies li jinvestu aktar fil-ftit timijiet li baqgħalna fil-futbol femminili għax wara kollox il-plejers femminili jagħmlu l-istess sagrifiċċji li jagħmlu dawk maskili. 

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Il-maġġoranza tal-grawnds li nilagħbu fihom huma ta’ livell tajjeb. Għalkemm dejjem ikollok l-favoriti u jkun hemm waħdiet fejn il-pitch jew il-faċilitajiet jistgħu jkunu aħjar, ċert li l-klabbs jagħmlu minn kollox biex iżommu l-faċilitajiet tagħhom fl-aħjar stat possibli. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Bħala kowċis ma tantx nistgħu ngħidu x’ħa jiġri fil-futur, għax bħalma nafu xogħol ta’ kowċ hu bbażat fuq jekk tilħaqx l-għanijiet tal-klabb li tkun qiegħed taħdem miegħu jew le.

Xogħoli għal dan l-istaġun hu li nibqgħu nippruvaw nibnu fuq l-istaġun li għadda u ntejbu kemm nistgħu l-plejers u t-tim inġenerali biex ikollna l-aqwa riżultat possibli … jekk nagħmlu dan, nistgħu ngħidu li nkunu għamilna xogħolna, imbagħad naraw il-futur x’joffrilna! 

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-aktar ħaga importanti hi li tieħu gost tilgħab l-isport li tant inħobbu. Kultant niġu wisq għomja minn riżultati jew minn kliem ta’ xi nies, li ninsew l-ammont ta’ sagrifiċċji li nkunu għamilna biex wasalna fejn inkunu wasalna. Il-futbol jagħtik ċans tiltaqa’ ma’ ħafna nies u esperjenzi differenti, tagħmel ħbieb ġodda, u huwa żvog biex inessina minn ċerti affarijiet li nkunu għaddejjin minnhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Bħal kollox fil-ħajja, jekk tkun imdawwar b’nies li jridulek l-ġid, taħdem u tagħmel is-sagrifiċċji li jkun hemm bżonn, iktar hemm ċans li tasal għall-għanijiet tiegħek! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport