Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon?
Kien xi Jannar ta’ xi sentejn ilu u kont qed nitkellem ma’ xi kollegi, u qaluli b’events ta’ triathlon f’Mejju ta’ dik is-sena. Wara d-diskussjoni, dħalt u ċċekkjajt l-events u fid-19 ta’ Mejju kien hemm dan il-Half Ironman. Dik il-ġurnata kienet se tkun eżatt meta nagħlaq 40 sena u għidt lili nnifsi li ta’ 40 trid tagħmel xi ħaġa differenti – is-soltu xi BBQ u xi erba’ drinks – imma għidt: “Ta’ 40 sena nippruvaw xi ħaġa differenti.” Allura qbadt u xtrajt il-biljett għall-Half Ironman (1.8km għawm, 90km rota, u 21.1km ġirja) u għedt: “Issa, f*** it, nippruvaw u naraw.”
Xi tip ta’ sport dejjem kont nagħmel – ftit futbol, futsal – u kont diġà għamilt ġirjiet inkluż half marathons u marathons, imma triathlon qatt. Allura bdejt nara kif se nasal u bdejt nara ftit fuq l-għawm u r-rota fejn qatt ma għamilt f’modalità kompetittiva. Biex tibda triathlon trid tinvesti ftit (kemm flus u ħin) , allura xtrajt rota entry-level second-hand u bdejt nagħmel ftit għawm, ftit distanzi fil-ġimgħa u dejjem żidt ftit.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Ma nħossx li ksibt suċċessi maġġuri – inħossni “dilettant” – imma overall s’issa għamilt 3 Ironman distance races u tliet Half Ironmans f’sentejn u tliet xhur. F’Settembru li gej, se namel IRONMAN oħra ġewwa Cervia, l-Italja. Għamilt ukoll race waħda T24 fi grupp ta’ sitta. It-T24 hija triathlon ta’ 24 siegħa bla waqfien fejn tagħmel 4 sigħat għawm, 12-il sigħat rota u tmien sigħat ġirja. Aħna għamilnieha f’rotazzjoni għal 24 siegħa sħaħ bejn sitt atleti.
Kull tellieqa neħduha bħala avventura u normalment immur mal-familja, mal-mara u t-tfal – li huma n-numru 1 supporters tiegħi. 🙂 S’issa l-aħjar riżultati li ġibt f’distanza Ironman kienet ta’ 11:42:50, u f’Half Ironman 5:26. It-target hu li xi darba nagħmel sub-5 hour Half Ironman u sub-10 hour Ironman. Mhux faċli, imma l-motto tal-Ironman hu: “Anything is Possible.”
Kif tqis il-livell tat-Triathlon f’pajjiżna fil-preżent?
Onestament ma tantx naf fuq triathlon f’Malta, imma minn nies li naf, ma tantx jgħiduli li hemm ħafna events. Li hu żgur hemm atleti tajbin Malta – bħalma ħafna jafu lil Fabio Spiteri li kiseb suċċessi internazzjonali. Hemm ukoll oħrajn bħalma għamilt l-Ironman ta’ Barcelona u kien hemm Malti, Josef Bonavia, li għamel ħin tajjeb ta’ madwar disa’ sigħat u jagħmel ħafna tlielaq tal-Ironman ukoll. Inġenerali hemm ħafna atleti tajbin f’Malta f’dan l-isport, imma m’hemmx ħafna opportunitajiet u trid toħroġ minn Malta biex tikkompeti.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Bħala taħriġ, jien ħafna minnu nagħmlu waħdi jiddependi mic cans li ikollu kif ukoll ma’ xi clubmates tat-Triathlon Club li qiegħed miegħu – SAM Triathlon Lesparre. Fil-bidu kont nittrenja waħdi, imma sena ilu ngħaqadt ma’ dan il-klabb u għenni ħafna għax nagħmlu training flimkien, titgħallem minn nies b’esperjenza, tiddiskuti kif tista’ ttejjeb u ssir taf b’avvenimenti li jkunu għaddejjin. Għalkemm il-focus hu Ironman, matul is-sena nagħmel ħafna races iżgħar – bħalma huma ġirjiet minn 10km sa 42km, kemm road race kif ukoll trail, u tipi oħra ta’ events bħal bike-run, swim-run u bike races.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?
Qed nagħmel dan l-isport bħala delizzju u bħala medja nagħmel bejn tmien u għaxar sigħat fil-ġimgħa taħriġ bejn it-tliet sports (għawm, ġirja u rota). Meta tkun eqreb xi race – madwar 2-3 xhur qabel – ngħaddi għal bejn 12 u 15-il siegħa fil-ġimgħa. Il-pjan hu li nkompli nagħmel 2-3 Full Ironmans u 2-3 Half Ironmans fis-sena u kemm jista’ jkun nipprova tlielaq ġodda f pajjizi differenti. Forsi fil-futur nikkompeti fil-kategorija tal-age group tiegħi. Bħalissa nikkompeti miegħi nnifsi fejn nipprova dejjem intejjeb il-ħin. S’issa kull Ironman li għamilt irnexxieli nikser ir-record tiegħi stess u biex niċċelebra nagħmel ftit push-ups qabel il-finish line. 😄
It-targets tiegħi għall-futur huma li xi darba nikkompeti fl-age group tiegħi fl-Ironman ta’ Kona ġewwa Hawaii jew Nice (Ironman World Championship), imma għandi bżonn iktar ħin, taħriġ u fokus biex nasal hemm. Barra minn hekk, nixtieq nagħmel T24 waħdi bħala sfida personali – kemm fiżika u anke mentali. U ovvjament, nixtieq ukoll li xi darba nagħmel Full DistanceIronman f’Malta stess, li sa fejn naf jien qatt ma saret… u ChatGPT jista’ jikkonferma dan ukoll!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.
Mela, jekk trid tasal x’imkien trid dejjem tieħu l-ewwel pass. Kemm jekk ħa tagħmel 5k, 10k, half marathon, marathon, Half Ironman jew Ironman – l-ewwel pass hu li tkun taf il-limiti tiegħek, mur pass ‘il quddiem u ixtri t-ticket għall-event li jmiss. Jiġifieri jekk taħseb li tiflaħ tiġri 7k ixtri ticket għal tellieqa ta’ 10k, jekk taħseb li tiflaħ tagħmel triathlon distance S ixtri ticket Triathlon M eċċ. Minn hemm ibda pprepara u għid: “Kif se nasal?” Żomm il-finish line f’moħħok – dak hu l-bidu!
Wara, agħmel pjan skont kemm għandek ħin biex tiddedika għat-taħriġ. Imbagħad trid tkun onest miegħek innifsek: Inti trid COMPLETE jew COMPETE?
Jekk hi l-ewwel darba tiegħek, nissuġġerixxi li l-goal ikun COMPLETE, bħala prova kemm fiżika kif ukoll mentali – u fl-istess waqt tieħu gost. M’għandekx tamel training burnout b’taħriġ żejjed. Ladarba tgħaddi mill-proċess, ikollok idea kif tista’ ttejjeb billi tanalizza d-data, u minn hemm tibda tikkompeti.
Issa fil-livell tiegħi bħala dilettant, l-avversarju tiegħi hu jien stess, għax l-għan hu li nkun aħjar mil-bieraħ. Imbagħad, jekk tmur minn triathlon tad-dilettanti għal livelli oħra – dik storja oħra.
Il-motto tal-Ironman huwa: “Anything is Possible.” Jekk tkun taf il-limiti tiegħek, taħdem u temmen fik innifsek – tasal.