Saturday, November 16, 2024

“Jekk toħroġ l-informazzjoni fuq it-taxxi tiegħi se tagħmilli ġieħ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech jgħid li ma jridx jikkumenta fuq politika fi żmien il-festi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech f’intervista fuq NetFM qal li ma jridx jikkumenta dwar politika fi żmien il-festi b’referenza għal pubblikazzjoni ta’ storja f’ġurnal lokali li fiha hemm allegata konversazzjoni bejn il-Prim Ministru, Robert Abela u Marvin Gaerty, Kap tad-Dipartiment tat-Taxxi, fejn jingħad li Abela talab informazzjoni dwar it-taxxa tiegħu. Fl-istess ħin li Grech li ma jridx jikkumenta, sostna li jekk din l-informazzjoni dwar it-taxxi tiegħu toħroġ, din se tagħmillu l-ġieħ.

Fuq il-faċċata tagħha, is-Sunday Times irrapportat li l-Pulizija qiegħda tistenna li l-Prim Ministru jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex il-Pulizija tingħata aċċess għall-mowbajl uffiċjali ta’ Gaerty u jingħad ukoll li hemm informazzjoni li tinkludi konversazzjoni li fiha l-Prim Ministru talab lil Gaerty informazzjoni dwar it-Taxxi ta’ Bernard Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista min-naħa tiegħu qal li, “minħabba li l-pajjiż m’huwiex normali, smajna b’din l-istorja li allegatament ġrat din il-konversazzjoni. Ma nixtieqx nikkumenta dwarha ħlief li huwa ċar li l-istituzzjonijiet tagħna m’humiex jiffunzjonaw kif suppost għax kieku l-Pulizija m’hiex tistenna permess mill-Prim Ministru”. 

Grech sostna li l-Pulizija għandha modi oħra kif timxi u anke għandha l-awtorità tagħha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex il-Pulizija tagħmel xogħlha u timxi skont il-liġi ħalli jkomplu l-investigazzjonijiet u jitressqu l-persuni li jiksru l-liġi.

Filwaqt li Grech ukoll għamel appell biex kull min jista’ jitlaqqam kontra l-Covid-19 issa li waslet u bdew jitlaqqmu anke l-infermiera u t-tobba f’Mater Dei, sostna li huwa importanti li kulħadd isegwi l-istruzzjonijiet li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa u fejn ikun il-każ jieħu parir mit-tabib privat tiegħu.

Grech qal li t-tilqima huwa mod ta’ kif wieħed jiġġieled din il-pandemija iżda, m’huwiex l-unika mod. “Tibqa’ r-responsabbiltà taċ-ċittadini li jagħmlu l-obbligu tagħhom billi ma jmorrux fi gruppi għax nistgħu b’xi mod inkunu xorta waħda qegħdin inxerdu l-Covid-19,” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Rigward il-25 edizzjoni tal-Istrina bit-tema “Flimkien b’Solidarjetà” Grech qal li bla dubju hija ġurnata li fiha l-poplu jingħaqad, juri s-solidarjetà tiegħu u jgħin biex jinġabru biżżejjed flus ħalli jiġu mgħejjuna n-nies. “Illum il-ġurnata l-Istrina kibret u nġabru €6.5 miljun u fuqhom. Dan ifisser li bħalma dejjem għamel, il-poplu Malti huwa ġeneruż, ta’ valuri u ta’ qalb tajba, li meta jkun il-mument li jissejjaħ, dejjem iwieġeb”.

Ekonomija

Sport