Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba lejn il-logħba bdiet minn ħija Adrian Baldacchino li kien beda jilgħab baskitbol u wara meta dħalt St Agatha bis-saħħa tal-għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika (PE), is-Sur Jimmy Catania bdejt nilgħab mad-Depiro. Kelli diversi kowċis meta kont plejer, iżda l-iktar li kien ħalla impatt fuqi kien Tony Camilleri.
Meta kont għadni tifel ħadt sehem man-nazzjonal fil-kategorija tal-U15 fejn konna tlajna Genoa, l-Italja, u wara bqajt nilgħab fit-timijiet tal-kbar ta’ Depiro, Floriana u Qormi. Wara li waqaft bdejt nikkowċja fejn apparti rbaħt diversi kompettizjonijiet, l-iktar li tibqa f’qalbi kien meta rbaħna l-ewwel midalja tad-deheb fil-FIBA Small Countries meta fil-final għelibna lin-Norveġja.
Dis-sena ħadt ftit mistrieħ mit-timijiet tal-kbar u bdejt proġett ġdid fejn qed ngħallem il-basketball lit-tfal fil-klabb ta’ Mosta Basketball. Li tkun kowċ hi esperjenza sabiħa, iżda din teħodlok ħafna ħin u enerġija imma ttik sodisfazzjon kbir meta tara plejers jitjiebu u jirnexxu fil-logħba.
F’Settembru li ġej għall-ħames sena konsekuttiva se tkun qed torganizza tournament internazzjonali li sena wara l-oħra qed jirriżulta bħala suċċess liema bħalu. X’hemm lest għal din is-sena?
Kienet idea li bdiet waqt il-Covid-19 u li bqajt nagħmlu kull sena, u dis-sena ħa tkun il-ħames sena li qed norganizzah. Dejjem kellna livell għoli ta’ baskitbol speċjalment mit-tim li jiġi kull sena ta’ USA Select. Is-sena l-oħra kellna parteċipazzjoni wkoll ta’ tim mir-Renju Unit, permezz ta’ Anglia Ruskin University. L-għan ta’ dan it-turnament hu li jipprovdi livell għoli ta’ basketball għall-klabbs Maltin, fejn ikollhom opportunita’ unika li jilagħbu kontra timijiet barrannin. Din is-sena qed naħdmu biex inżidu t-timijiet barrannin, ħalli jkunu erbgħa flimkien mal-parteċipazzjoni ta’ klabbs Maltin. Waqt dan it-tournament, naħsbu wkoll fis-settur tat-tfal fejn norganizzaw kamp ta’ ġurnata. Din is-sena l-kamp tat-tfal hemm ċans kbir li jsir fuq jumejn, fejn ser ikollna kowċis ta’ livell għoli ħafna filwaqt li tfal Maltin ikollhom iċ-ċans jitkellmu mal-plejers u kowċis barranin. L-aħħar sentejn kellna lil Andrea Stinson li kienet WNBA All Star, Sean Kilmartin li jmexxi l-AAU (Amateur Athletic Union) ta’ North Carolina b’esperjenza twila ta’ plejer li lagħab madwar l-Ewropa u Kevin Cantwell li kien kowċ rinomat fl-ogħla diviżjoni ta’ l-NCAA. ma’ Georgia Tech u Applachian State University. Din is-sena qed naħdmu biex inġibu kowċ rinomat fuq livell Ewropew u li ħa tkun sorpriża għal ħafna tfal li jħobbu l-logħba tal-basketball. Nixtieq nirringrazzja lil VisitMalta li kienu ta’ għajnuna kbira s-sena li għaddiet.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-basketball f’Malta tjieb matul is-snin, imma xorta għadu ma laħaqx il-livelli ta’ pajjiżi bħal Ċipru, l-Iżlanda u l-Lussemburgu fis-settur tal-irġiel. Waħda mill-aktar affarijiet li nbatu bħala pajjiż hu l-livell atletiku tal-plejers tagħna li fejn pajjiżi oħra nkunu nferjuri. Din is-sena kellna l-iStarlites li kkompettew fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara ħafna snin. Dan kien pass importanti imma mhux faċli biex tkompli fuqu, peress li jinvolvi spejjeż kba, li għal clubs Maltin hi diffiċli. Nittama li clubs oħra jibdew jimmirraw li jikkompettu f’dan il-livell, inkluż fin-nisa. Meta wieħed iħares lejn is-settur tan-nisa għalkemm għadna ftit clubs, il-livell tagħna hu tajjeb meta tikkumparah ma’ pajjiżi ta’ daqs tagħna u ftit ikbar. Tant hu hekk li kellna żewġ plejers fil-passat li marru jilgħabu u jistudjaw l-Amerika fl-NCAA, Sophie Abela u Kristy Galea u din is-sena għadna lil Danika Galea li qedgħha f’livell għoli ħafna ta’ l-NCAA u għandha talent li jipprometti ħafna. Ħa nisimgħu biha żgur fil-futur qarib.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
L-assoċazzjoni tal-basketball permezz ta’ Pawlu Sultana u Joseph Muscat għamlet biċċa xogħol kbira flimkien ma’ SportMalta taħt it-tmexxija ta’ Mark Cutajar fejn tejbu l-Padiljun nazzjonali fuq livell għoli u saru ż-żewġ training courts li jkunu mimlijin minn filgħodu sa flghaxija, kif ukoll iż-żewġ courts ta’ barra li m’hemmx ħin tal-ġurnata li ħa ssibhom vojta. Wieħed irid japprezza dak li sar u jgħid grazzi. Min-naħa l-oħra tal-munita hemm bżonn ta’ aktar courts indoor full size tal-basketball fejn il-klabbs Maltin ikollhom fejn jittrenjaw b’mod regolari. Hu importanti li min jittrenja l-baskitbol jittrejna f’courts magħmulin apposta għal baskitbol, kemm biex jgħola l-livell u kemm minħabba s-saħħa ta’ l-atleti peress li hu sport jinvolvi ħafna qbiż, u allura l-art tal-court tagħmel differenza. Bħalissa hawn numru ta’ klabbs li jużaw courts li huma iżgħar mill-kobor uffiċjali ta’ kif titlob il-FIBA.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Il-futur tiegħi, onestament ma nafx. Li żgur kelli bżonn sena brejk mill-logħba, fejn straħt mentalment, li nemmen li hu importanti ħafna li wieħed jieħu ħsieb saħħtu kemm mil-aspett fiżiku kif ukoll dak mentali. L-interess tiegħi jibqa li nikowċja timijiet tal-kbar, u nkompli nikber bħala kowċ fuq livell internazzjonali. Din is-sena erġajt ġejt mistieden biex nitla l-Amerika u nikkowċja ġo kamp ta’ plejers kbar li jilagħbu fl-NCAA fejn il-livell ikun għoli ħafna, kemm mil-lat tekniku kif ukoll dak atletiku. Xi kultant nitħajjar neqleb fuq management biss imma l-imħabba li għandi għal kowcing hi wisq kbira.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-basketball hu logħba sabiħa ħafna u apparti li żżommok b’saħħtek, tgħinek kemm mentalment u anke emozzjonalment, fejn wieħed faċli jagħmel ħbieb ġodda u jesprimi lilu nniffsu. Biex ikollok karriera fil-basketball trid tqatta’ l-ħin fiha, kif tagħmel fl-iskola biex titgħallem suġġetti akkademici. It-talent mhux biżżejjed, irid ikollok dedikazzjoni, tagħti l-ħin tiegħek, nutrizzjoni tajba u ħaġa importanti ħafna li mhux kulħadd jagħtiha importanza, hi l-imġiba tiegħek. Il-logħba tal-basketball hi logħba li titlob t-teamwork, u jekk m’inx kapaċi taħdem ġo tim, qatt mhu ħa jirnexxielek tagħmel karriera mil-logħba. Jekk trid tagħmel karriera fil-basketball hu importanti li tisma’ minn nies li jixtiqulek il-ġid, u li taħdem għaliha, u nagħlaq bil-frażi bl-Ingliz li tgħid, “Nothing is given, everything is earned”!