Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet meta kelli 12-il sena. Dejjem ħassejtni ta’ livell normali fl-iskola u qat ma ħassejtni nispikka f’xejn, sakemm darba kien hemm open race fl-isports day tal-iskola 800mtrs u dħalt b’ruħi u ġismi għaliha biex xi darba ikolli midalja u dak iż-żmien lanqas idea ta’ ġiri ma kelli u qatt ma ħlomt li ħa jogħġobni imma kien l-uniku sport li stajt nagħmlu waħdi u wara l-iskola kont noħroġ niġri fejn id-dar u rnexxieli niġi l-ewwel. Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma ħarist lura!
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Irnexxieli nikseb bosta unuri fosthom fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar darbtejn, Logħob tal-Mediterran, u l-ewwel fin-Nofs Maratona ta’ Malta.
Peró, għalija akbar mill-kompetizzjonijiet barra minn Malta huma l-ħinijiet li ksibt kemm lokalment u anke barra minn xtutna.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Fejn jidħlu distanzi qosra naħseb li għandna livell ferm tajjeb, imma f’distanzi twal naħseb li għandna fejn inkomplu nikbru.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Kif għidt fil-mistoqsija ta’ qabel, il-livell ma jiddependix biss mill-atleta. Biex int tkun atleta mill-aqwa trid il-ħin, il-flus, nutrizzjoni tajba, mistrieħ eċċ. li din hija problema kbira fiċ-ċokon ta’ pajjiz li ngħixu fih u sfortunatament mhux kulħadd fortunat li jkollu benefiċċji bħal ħaddieħor.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Apparti li xi darba nikseb midallja fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, nixtieq inwassal lil ġismi għall-potenzjal li kapaċi jagħmel.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Kelma waħda bla xenxilli – ‘dixxiplina’! Din il-kelma nibqa’ nġorrha miegħi sal-mewt … jekk wieħed ikollu d-dixxiplina se jara suċċess żgur fl-atletika!

