Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Meta lura fl-2021 bdejt intellaq f’diversi dixxiplini, fosthom, road running, trail running u OCR, bdejt ninduna li l-ħinijiet li bdejt nagħmel kienu tajbin u li bihom kont qiegħda dejjem niġi mal-ewwel tlieta. Dak kien iż-żmien li l-atleti kienu bdew il-preparamaenti tagħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Ngħidlek il-veritá, ma kelli l-ebda ħjiel li jien qatt stajt nifforma parti mit-tim nazzjonali tal-atletika dak iż-żmien. Il-kowċ tiegħi kien beda jsemmilli li kien hemm dixxiplina li ma tantx jazzardaw jidħlu għaliha atleti, minħabba n-natura tagħha – l-isteeplechase. Din hija dixxiplina diffiċli u li tirrikjedi ħafna veloċitá u teknika. Jiena jattirawni mmens sfidi diffiċli, u għaldaqstant flimkien mal-kowċ tiegħi, iddeċidejt li nipprovaha. Mal-ewwel attentat tiegħi f’din id-dixxiplina irnexxieli nikseb ħin tajjeb biżżejjed biex nikkwalifika għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. L-atletika hija dixxiplina li tirrikjedi ħafna sigħat għat-taħriġ u ħafna paċenzja minħabba li tirrikjedi ħafna ripetizzjoni. Maż-żmien tant beda jogħġobni t-taħriġ fit-trakka li llum lanqas nista’ ngħix mingħajr din l-istruttura ta’ ħajja!
X’suċċessi maġġuri ksibt sa issa?
Bħalma semmejt drabi oħra, jiena nipparteċipa f’diversi dixxiplini u li xi kultant m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Inħossni tassew ixxurtjata li kemm ilni nieħu t-taħriġ bis-serjetá (tliet snin), irnexxieli nikseb podju f’kull avveniment li ħadt sehem fih.
L-ikbar kisbiet tiegħu kienu: it-tieni fin-Nofs Maratona ta’ Malta (2024); l-ewwel fin-Nofs Maratona tal-Corsa (2022); irbaħt it-trail running league darbtejn; irbaht il-hyrox league ta’ Malta; irbaħt il-kategorija tiegħi barra minn Malta fil-hyrox (Poznan) u darb’oħra ġejt it-tieni (Turin); darbtejn it-tieni post fi Spartan Malta (20k); irbaħt Spartan l-ewwel post fi Franza 2022; kont iċ-champion nazzjonali fuq id-distanzi kollha tal-indoor rowing; irbaħt diversi tlielaq tal-OCR hawn Malta,
u ffurmajt parti mit-tim nazzjonali Malti tal-GSSE 2023 f’Malta.
Riċentement qed tispeċjalizza fil-Hyrox. Agħtina iktar dettalji.
Iva, proprju fis-sena 2024 għazilt li niffoka ftit iżjed fuq il-hyrox u fiż-żewġt itlielaq li kien hawn Malta irnexxieli nikseb l-ewwel post. Ġie organizzat ukoll hyrox league u fih irnexxieli wkoll nikseb l-ewwel post. F’Novemebru tal-2024 mort għall-ewwel darba barra minn Malta ntellaq din it-tellieqa u rnexxieli nirbaħ il- kategorija tiegħi wkoll. Fi Frar tal-2025 mort intellaq Turin u rnexxieli nikseb it- tieni post.
Il-hyrox hija naħseb l-iżjed dixxiplina li nieħu gost nikkompeti fiha. Toħroġ fija l- aqwa kwalitajiet ta’ veloċitá u saħħa. Bħalissa bdilt ftit il-focus tiegħi u għalkemm għandi f’moħħi li ntellaq fi tlielaq hawn Malta relatati mal-hyrox, m’iniex se nkun speċifikament qiegħda nipprepara għaliha minħabba t-taħriġ intenisiv bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Kif jgħaddu dawn il-Logħob, se nitfa’ ħafna mpenn fiha għaliex għandi tragwardi kbar li nixtieq nilħaq sal-aħħar ta’ din is-sena f’dan l-isport.
Kif qed tipprepara għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra li se jkunu qed isiru proprju f’Mejju li ġej?
Kif semmejt diġá, bħalissa l-focus tiegħi qiegħda kollha kemm hi fuq il- kwalifikazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Il-maġġoranza tat-taħriġ qed isir il- Marsa fit-trakka tal-ġiri, u qed ikun intensiv immens. Nittamaw li dan l-impenn joħroġ il-frott tiegħu u jirnexxieli nilħaq dan it-tragward.
Ghaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi. Jekk wieħed jixtieq jagħmel suċċess, irid ikun lest ghas sagrifficji. Is-suċċess ma jiġix mix-xejn. Trid tkun konsistenti. Trid tkun lest li tissagrifika xi affarijiet mill-ħajja u trid tkun lest mentalment u fiżikament għal dak li jiġi. Mhux dejjem se jmorru l-affarijiet kif tixtieq, iżda trid trabbi qoxra b’saħħitha li biha tkun kapaċi tiġġieled kull ostaklu. M’għandek taqta’ qalbek qatt u jekk verament temmen fil-potenzzjal tiegħek, tara li tagħmel minn kollox li hu fil-kontroll tiegħek biex tilħaq fejn tixtieq fil-ħajja. Minn dejjem kont noħlom li nsir atleta xi darba, u din irnexxieli nakkwistaha ta’ 33 sena. Kieku qtajt qalbi qabel, ma kont inkun naf qatt bil-kapaċitajiet tiegħi!