Saturday, December 27, 2025

‘Jekk wieħed joħlom u jaħdem b’dixxiplina, jista’ jasal, anke f’kompetizzjoni ma’ barranin’ – Anthony Gafa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

San Ġwann FC ħabbru l-ħatra ta’ Anthony Gafa bħala direttur tekniku tal-klabb li jikkompeti fil-BOV Amateur League 1. Għal Gafa din mhijiex esperjenza ġdida, hekk kif diġà kellu rwol mal-klabb fil-passat, fatt li jagħti sens qawwi ta’ kontinwità u fiduċja f’proġett li qed iħares ’il quddiem b’ambizzjoni.

Il-futbol Malti ilu snin twal jixhed stejjer ta’ dedikazzjoni u passjoni, iżda l-istorja ta’

Anthony Gafa tmur lil hinn mir-riżultati u t-tazzi. Wara sena mimlija sfidi serji ta’ saħħa li setgħu qatgħulu qalbu, illum jinsab fuq saqajh, motivat u determinat jerġa’ jidħol fil-qasam li tant iħobb. Din il-gazzetta reġgħet ħadet il-kummenti tiegħu proprju sabiex tixhed l-emozzjoni li hu kien qed iħoss hekk kif issa rritorna fil-futbol.

“Nikkonferma li erġajt doqt l-atmosfera tal-grawnd tal-Yo Health Malta Premier wara sena diffiċli ħafna,” qal b’emozzjoni. “Kont qed nara xi logħob u nħossni kuntent li nerġa’ nidħol il-grawnd regolarment, ikolli l-karta tal-ismijiet tal-plejers f’idi u nieħu n-noti personali tiegħi kif dejjem għamilt.”

Gafa jinnota wkoll bidliet pożittivi fil-logħba. “Rajt avvanzi f’dak li qed jiġi implimentat, mill-identità tal-kampjonat sal-livell tal-logħob. Illum hemm aktar professjonalità, aktar xogħol mill-istaff tekniku u anke aktar użu ta’ statistika.”

Il-vjaġġ tiegħu fil-futbol beda fil-Marsa, ir-raħal fejn twieled. Fl-istaġun 2005/06 ħa r-rwol ta’ team manager ma’ Marsa FC. “Kon­na fl-Ewwel Diviżjoni u għamilt żewġ staġuni li saħansitra wassluna sal-Premier. Għalija kien unur kbir li l-ewwel esperjenza tiegħi kienet mal-klabb ta’ raħal twelidi.”

Minn hemmhekk, Gafa kompla jikber professjonalment ma’ Fgura United, esperjenza li għadha tħallih sodisfatt sal-lum. “Mit-Tielet Diviżjoni wasalna sal-Ewwel Diviżjoni. Illum il-klabb għandu status taċ-Challenge League u jien kelli l-unur li nkun parti minn dik l-istorja.”

Ir-ritorn tiegħu ma’ San Ġwann FC kien ieħor sinifikanti, fejn reġa’ ta kontribut dirett għall-promozzjoni mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni. Kellu wkoll mumenti sbieħ ma’ Naxxar Lions, fejn għen fuq bażi volontarja, dejjem bil-prinċipju li l-futbol hu servizz u impenn

kontinwu.

Wieħed mill-kapitli l-aktar importanti fil-karriera tiegħu kien ma’ Floriana FC. “Kont hemm full-time għal staġun u nofs. Minkejja bidla radikali fis-sajf, 13-il plejer Malti u seba’ barranin ġodda – irnexxielna nżommu l-istatus tal-Premier, spiċċajna runners-up wara Hibernians u rbaħna l-FA Trophy. Rebħa kbira fil-karriera tiegħi.”

Gafa hu magħruf għall-etika tax-xogħol tiegħu. “Kont nara tmien logħbiet kull tmiem il-ġimgħa. Inżomm database personali u nsibni kullimkien. Jien nemmen li jekk ma tagħmilx dan ix-xogħol, ma tirnexxix. Il-futbol jitlob sagrifiċċju u ħin.”

Illum, bħala direttur tekniku ta’ San Ġwann, il-viżjoni tiegħu hi ċara. “Qed inħares lejn xi ħaġa ġdida imma mhux ħaġa stramba għalija. Il-protokoll ma jinbidilx: rispett lejn l-avversarji u r-referees, valuri essenzjali fil-futbol. L-għan hu li nibqgħu kompetittivi u niġġieldu għall-promozzjoni li ħarbitilna s-sena l-oħra għal ftit. San Ġwann hu klabb żgħir fl-istruttura, imma jien narah klabb kbir, pjattaforma għal plejers u kowċis biex jilħqu livelli ogħla kif dejjem seħħ fil-passat.”

F’Jannar, is-suq tat-trasferimenti se jkun mument kruċjali għal San Ġwann FC sabiex isaħħu l-iskwadra u jkomplu jżidu l-kompetittività tat-tim. Skont Gafa, il-klabb qed janalizza bir-reqqa l-bżonnijiet tekniċi u tattici, bl-għan li jġib plejers li mhux biss itejbu l-kwalità fuq il-grawnd, iżda wkoll jadattaw għall-valuri u l-mentalità tal-klabb.

L-akkwisti se jsiru b’responsabbiltà u b’viżjoni fit-tul, biex San Ġwann FC jibqgħu bilanċjati u stabbli. Jekk il-movimenti jkunu preċiżi, is-suq ta’ Jannar jista’ jagħti spinta importanti fit-tiġrija għall-pożizzjonijiet ta’ fuq u jsaħħaħ l-għan tal-promozzjoni.

Fuq il-kowċ ta’ San Ġwann FC Xavier Saliba, Gafa jitkellem b’rispett kbir. “Kont diġa’ nafu qabel, saħansitra sifirna f’tournaments mat-tfal barra minn Malta. Hu kowċ b’dedikazzjoni kbira. Hemm grupp tajjeb u jekk naħdmu id f’id, nibqgħu fit-triq it-tajba.”

Hu jżid li l-futbol Malti għamel avvanzi kbar fit-taħriġ u fl-analiżi. “Illum għandek statistika dettaljata: kemm il-plejer ġera, il-pożizzjoni tiegħu, kultant 10 jew 12-il kilometru f’logħba. Dan jgħin biex it-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun aktar preċiż.”

Il-messaġġ tiegħu għal dawk li jixtiequ jibdew karriera fil-futbol hu realistiku iżda pożittiv. “Trid ħafna sagrifiċċji u trid tieħu ħsieb saħħtek. Id-dinja hi żgħira u llum hemm opportunitajiet. Jekk wieħed joħlom u jaħdem b’dixxiplina, jista’ jasal, anke f’kompetizzjoni ma’ barranin.”

B’hekk San Ġwann FC qed jidħlu f’fażi ġdida fil-mixja sportiva tagħhom b’viżjoni ċara u determinazzjoni li jibqgħu jikkompetu fuq livell dejjem ogħla. Il-ħatra ta’ Anthony Gafa bħala direttur tekniku qed tagħti lill-klabb struttura aktar soda, esperjenza u direzzjoni fit-tul. San Ġwann FC jaraw lilhom infushom bħala pjattaforma għall-iżvilupp ta’ plejers u kowċis, fejn id-dixxiplina, ir-rispett u x-xogħol f’tim jibqgħu valuri fundamentali.

Minkejja l-isfidi tal-Amateur League b’diversi timijiet li qed jissieltu għall-promozzjoni finali, il-klabb għandu ambizzjoni leġittima li jkompli jikber, jibni fuq in-nursery tiegħu u, pass pass, iħares lejn promozzjoni li tkun mistħoqqa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport