Raġel li kien ammetta għall-qtil tal-eks-għarusa tiegħu ntbagħat 30 sena priġunerija.
Il-katavru ta’ Shannon Mak instab f’għadira demm barra l-appartament tagħha f’Santa Venera f’Awwissu tal-2018. It-tfajla kienet instabet b’għonqha mħanxar.
L-ex-għarus tagħha Jelle Rijpma ammetta għall-qtil f’Ottubru u aktar kmieni llum kkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Ir-reat kien iġorr piena massima ta’ għomor il-ħabs, madankollu wara talba konġunta mid-Difiża u l-Avukat Ġenerali, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tat lill-akkużat sentenza ta’ 30 sena priġunerija.
Rijpma kien immultat ukoll €116.47 talli kien fil-pussess ta’ sikkina.
L-avukt Stephen Tonna Lowell deher għal Rijpma, filwaqt li Stefano Filletti deher parte civile.