Wednesday, July 24, 2024

Jemfasizza li d-deċiżjoni biex immigranti ma jiddaħħlux Malta ma kinitx deċiżjoni li ttieħdet abbażi ta’ motivazzjoni razzjali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għal kull kliem ta’ mibegħda razzjali fl-aħħar sigħat wara li 150 immigrant ma tħallewx jidħlu f’pajjizna. F’intervista li xxandret ftit tal-ħin ilu l-Prim Ministru Abela saħaq li d-deċiżjoni biex dawn il-150 immigrant ma jitħallewx jidħlu f’Malta ma kinitx deċiżjoni faċli. Emfasizza li aktar minn hekk din ma kinitx deċiżjoni li ttieħdet abbażi ta’ motivazzjoni razzjali.

“Aħna poplu li għandna karatteristika li nuru mħabba lejn kull razza. Ma noqogħdux inħarsu lejn kulur iżda nħarsu lejn il-valur tal-bniedem,” tenna Abela.

Madankollu saħaq li din kienet deċiżjoni li kellha tittieħed biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Tenna li l-Gvern saħansitra anke waqqaf kull traġitt mhux essenzjali bejn Malta u Għawdex.

“Ir-realtà turina li ma stajniex nibqgħu b’influss ta’ immigranti li jipperikolaw is-sitwazzjoni li pajjiżna qed jiffaċċja attwalment kaġun tal-pandemija,” tenna l-Prim Ministru.

Saħaq li f’dan il-mument ir-riżorsi tal-forzi tal-ordni f’pajjiżna huma fukati kollha biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-virus. “ Ninsabu fi gwerra siekta, fejn m’hemmx armi, fejn qed nikkumbattu għadu li mhux naraw,” saħaq Abela.

Huwa għamel referenza għas-sitwazzjoni f’pajjiżi oħrajn, fosthom dik fl-Italja. Huwa rrefera għad-devastazzjoni u n-numru kbir ta’ mwiet li l-pandemija ħalliet.

Filwqt li rrijafferma li d-deċiżjoni biex id-dgħajsa bl-immigranti ma titħalliex tidħol f’pajjiżna, u filwaqt li qal li jifhem it-tbatijiet li dawn il-persuni qed jiffaċċjaw anke fid-dawl tal-gwerer tradizzjonali li qed jikkaratterizzaw lill-pajjiżi tagħhom, il-Gvern kellu jieħu l-għażla li jpoġġi bħala prijorità s-saħħa tal-poplu.

Meta mistoqsi dwar it-tliet anzjali f’pajjiżna li din il-ġimgħa mietu kaġun tal-Covid-19, il-Prim Ministru filwaqt li ta l-kondoljanzi tigħu lill-qraba tal-vittmi, qal li wieħed jiddispjaċih meta jara n-numru kbar ta’ mwiet li qed jiġu reġistrati madwar id-dinja kollha.

Qal li din hija pandemija li laqtet lil nies minn diversi sferi tas-soċjetà.

“F’pajjiżna għandna x-xorti li stajna nieħdu approċċ fejn rajna x’kien qed jiġri f’pajjiżi oħrajn,” tenna Abela.

Fl-istess waqt saħaq li l-Gvern dejjem kien proattiv fl-approċċ tiegħu biex jilqa’ għall-pandemija, u kien f’pożizzjoni li seta’ jantiċipa dak li kien qed jiġri.

Emfasizza li l-Gvern kellu u għad għandu pjan ta’ kontinġenza għal kull ċirkostanza li tista’ tinqala. Madankollu wissa li jiddependi min-nies kemm jiġu implimentati partijiet minn dan il-pjan ta’ kontinġenza.

Filwaqt li qal li bħala pajjiż s’issa rnexxielna nikkontjenu s-sitwazzjoni, appella lin-nies biex jirrispettaw ix-xogħol li qed jagħmlu l-forzi tal-ordni li qed jaħdmu bla waqfien biex iħarsu l-miżuri li qed jimplimenta l-Gvern. Għaldaqstant ħeġġeġ lin-nies biex jibqgħu d-dar.

Il-Prim Ministru nnota b’mod pożittiv iċ-ċertifikat tal-Fond Monetarju Internazzjonali fir-rigward tal-miżuri ekonomiċi u soċjali li l-gvern implimenta f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Qal li l-Gvern introduċa pakketti finanzjarji biex jissalvagwrdja l-impjiegi. “Fadal aktar miżuri ekonomiċi xi jridu jittieħdu biex inżommu n-negozji tagħna ħajjin,” huwa żied jgħid. Dan filwaqt li saħaq li grazzi għall-miżuri li diġà ttieħdu mal-110,000 ħaddiem ingħataw benefiċċji biex jiġu żgurat li ma jkunx hemm telfien ta’ impjiegi.

“Dan huwa l-mument li l-Gvern irid irodd lura l-fiduċja fin-negozji tagħna wara li dawn għenu biex l-ekonomija tal-pajjiż tikber tul is-snin,” saħaq il-Prim ministru.

Ekonomija

Sport