Wednesday, December 25, 2024

Jenni Hermoso tixhed li l-bewsa ta’ Rubiales ma kinitx kunsenswali

Aqra wkoll

Il-player Spanjola rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023,  Jenni Hermoso, xehdet fil-qorti ta’ Madrid li l-famu­ża bewsa mill-eks president tal-FA Spanjola, Luis Rubiales, “ma kinitx kunsenswali”.

Dan l-inċident seħħ, fl-20 ta’ Awwissu li għadda, fil-premjazzjoni tal-midalji wara li Spanja għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 1-0, hekk kif Rubiales qabad lil Hermoso minn rasha u biesha fuq xofftejha.  

Issa l-Imħallef se jiddeċiedi jekk Rubia­les għandux jiġi proċessat għal attakk ses­swali u sfurzar.

“Kollox f’idejn il-ġustizzja, dak kollu li nista’ ngħid,” hija qalet iżda l-eks kap tal-federazzjoni ċaħad l-allegazzjonijiet.

Hermoso, l-aqwa skorer ta’ Spanja, xehdet quddiem il-qorti għal madwar sagħtejn u nofs, fejn saħqet li kienet sorpriża b’dak kollu li kien ġara, tant, li ma setgħetx tirreaġġixxi.  

Intqal li l-evidenza tagħha kienet mogħtija diversi xhur ilu lill-prosekuturi li mbagħad inħarġet pubblika fuq l-istazzjon ewlieni fi Spanja. 

Il-Qorti qed teżamina evidenza inklu­żi filmati tas-CCTV biex tiddeċiedi jekk tressaqx l-ilment kriminali tagħha ta’ attakk sesswali u sfurzar għall-ġuri.

Stqarrija maħruġa ftit wara l-finali kienet ġiet attribwita li Hermoso kienet indikat li l-bewsa kienet kunsenswali. Iżda aktar tard ilmentat li kienet ippressata minn uffiċjali tal-FA Spanjola biex tpoġġi isimha fl-istqar­rija.

Jorge Vilda, il-coach li mexxa lit-team għas-suċċess tat-Tazza tad-Dinja qabel tkeċ­ċa ftit wara, qed jiġi investigat ukoll flimkien ma’ Albert Luque u Ruben Rivera, it-tnejn eżekuttivi tal-federazzjoni.

Hermoso qalet li ħassitha li kienet “vit­tma ta’ attakk”. Skond il-liġi Spanjola bewsa mingħajr kunsens tista’ titqies bħala forma ta’ attakk sesswali.

Rubiales dejjem sostna li l-bewsa kienet “kunsenswali” iżda wara l-inċident huwa ġie mġiegħel jirriżenja minn president tal-Federazzjoni Spanjola.

Il-prosekuturi fetħu investigazzjoni u f’Settembru li għadda ġie pprojbit mill-imħallef inkwirenti, Francisco de Jorge, milli jmur sa 200 metru minn Hermoso. 

Fi stqarrija lill-prosekuturi li ġiet fuq it-televiżjoni Spanjol, f’Ottubru, li għadda, Hermoso stqarriet li “b’mod ċar ħassejtni disrispettata u umiljata” bħala player u bħala persuna.

“Ma għamilt xejn biex inkun f’dik is-sitwazzjoni mbarazzanti … qatt ma għaddieli minn moħħi li waqt dak il-mument ta’ ċeleb­razzjoni wara li rbaħna t-Tazza tad-Dinja kont se nkun l-attenzjoni prinċipali mad-dinja kollha b’mod negattiv li ħalliet trawma kerha fuqi.”

Ekonomija

Sport