Sunday, December 22, 2024

“Jerbaħ min jerbaħ hemm bżonn nuru l-irġulija u nirrispettaw il-verdett tal-poplu”

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta aktar kmieni dalgħodu mexxa l-quddiesa tal-bidu tar-Randan.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna qal li fil-bidu tal-mixja tar-Randan għandna nistaqsu lilna nfusna jekk il-qalb tagħna hijiex “kamp ta’ battalja, ta’ ħsibijiet ta’ kefrija, ta’ vendetta, ta’ għira, ta’ inġustizzja? Jew qed nissielet biex il-qalb tiegħi tkun oasi ta’ paċi, strument ta’ maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni?”.

Sciculna qal li minn dejjem konna preżenza dgħajfa, semma t-tbatija li għaddej minnha bħalissa l-poplu Ukren kawża tal-gwerra, u qal li l-poplu Malti jaf “xi tfisser tkun assedjat, ibbumbardjat u umiljat, u allura nistgħu, meta niftakru fir-rakkonti ta’ missirijietna, nifhmu l-qsim il-qalb li ġġib l-aggressjoni ħarxa”.

Huwa tkellem dwar sistema inġusta fejn is-sinjur isir iżjed sinjur u l-fqir huwa l-indisprezzat. Fejn is-sinjur ikollu l-aġevolazzjonijiet kollha tad-dinja u min iħabbat fuq il-bieb għall-għajnuna jiġi mistoqsi jekk għandux biżżejjed biex iħallas.

Għamel ukoll referenza għal dak li qal il-Papa Franġisku nhar il-Ħadd li għadda meta qal li min jagħmel u jipprovoka l-gwerra jkun qed jinsa l-umanità u ma jimpurtahx min-nies, u jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa qabel kollox.

“Il-gwerra mhijiex il-lingwaġġ biex insolvu l-konflitti. Ejjew nitolbu għalina biex il-gwerer li hemm bejnietna speċjalment biex inrażżnu l-mod kif nitkellmu fuq xulxin f’dan il-perjodu li jiġi kważi kull ħames snin… Jerbaħ min jirbaħ hemm bżonn nuru l-irġulija, nirrispettaw l-verdett tal-poplu biex dan ikompli bil-ħajja tiegħu d-demokrazija tibqa’ stument prezzjuż għal min irid jaħdem għall-ġid ta’ kulħadd”, tenna Scicluna.

Ekonomija

Sport