Thursday, November 13, 2025

Jeremy Harbinson immultat €500

Jekk se jiġi Malta se jittieħed il-Qorti sabiex jixhed b’urġenza

Aqra wkoll

L-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson ġie mmultat €500 wara li għal darba oħra, illum, reġa’ ma deherx fil-Qorti biex jixhed f’kawża dwar numru ta’ ordnijiet ta’ ffriżar ta’ miljuni kbar ta’ ewro fil-konfront ta’ għadd ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. 

L-Imħallef Edwina Grima ħarġet ukoll mandat biex jekk jiġi Malta, Harbinson jittieħed il-Qorti u tkun appuntata seduta b’urġenza biex tinstema’ x-xhieda tiegħu minnufih.

Fil-bidu tas-seduta, l-Imħallef Grima qalet li Harbinson kien innotifikat uffiċjalment biex jixhed fis-seduta tal-bieraħ iżda reġa’ ma kienx hemm tweġiba min-naħa tiegħu.

L-Avukat Edward Gatt irrimarka li sa issa l-esperti li xehdu, kollha qalu li ma kinux involuti fil-proċess li permezz tiegħu ġew stabbiliti l-miljuni li ġew iffriżati. Żied li suppost li kienet il-Maġistrat Gabriella Vella flimkien ma’ Harbinson li ddeċidew dwar dan u jekk Harbinson se jibqa’ ma jixhedx id-difiża se tibqa’ ma ssirx taf x’kien l-irwol tiegħu. L-Avukat Gatt żied li huwa personalment jemmen li s-somom ta’ kemm kellhom jiġu ffriżati assi wasal għalihom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Filwaqt li rrefera għas-sentenza tat-Tribunal Internazzjonali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fakkar li fuq naħa l-Avukat Ġenerali qed jitlob li jkunu ffriżati l-assi waqt li l-Avukat tal-Istat f’isem Malta ddikjara li ma kien hemm ebda serq ta’ flus u li l-gvern Malti ħallas għal servizzi li ngħata u għada fadal ħlasijiet li jridu jsiru. 

F’dan il-kuntest Dr Gatt għamel talba biex fis-seduta li jmiss jitla’ jixhed l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler. L-Imħallef Grima laqgħet din it-talba. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rrikonoxxa li s-sentenza tat-Tribunal Internazzjonali hija importanti għall-mertu tal-kawża li l-Qorti għandha quddiemha.

L-Avukat Franco Debono qal li Harbinson mhux ma jridx jiġi Malta iżda ma jrdx jixhed u dan stqarru bil-miktub f’affidavit li kien bagħat lill-Qorti. Waqt li staqsa dan ix-xhud x’għandu differenti minn xhieda ohra, Dr Debono qal li l-espert Irlandiż għandu jinġieb Malta b’mandat t’arrest.

Għar-rimarka tal-Imhallef Grima li l-Qorti Maltija m’għandhiex ġurisdizzjoni fl-Irlanda, Dr Debono qal li l-mandat għandu joħroġ xorta waħda għaliex dak li mhux esegwibbli llum jista’ jsir esegwibbli għada. Saħaq li ma jistax ikun li quddiem l-attitudni ta’ Harbinson il-Qorti tidher li ma tista’ tagħmel xejn.

L-Avukat Ezekiel Psaila rrimarka li l-persuni li qed jitolbu li jitneħħew l-ordnijiet tal-iffrizar fil-konfront tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni fejn lanqas jistgħu jiftħu kawża kostituzzjonali iżda fl-istess hin Jeremy Harbinson qed jibqa’ jġib ruħu b’dal-mod.

Meta sar kuntatt bil-video conference mal-espert Tom Patterson, huwa qal li ma kellu x’jaqsam xejn la mal-akkużi li ħarġu u lanqas mal-iffriżar tal-assi. Bil-kontra ta’ Harbinson li kien qal li jibża’ jiġi Malta, Patterson temm ix-xhieda tiegħu billi qal li huwa jħobb lil Malta.

L-Imħallef Grima mbagħad informat lil dawk preżenti fl-awla li kienet intbgħtet email lill-espert Barry O’Donnell li min-naħa tiegħu wieġeb li huwa ma ħadimx fuq l-inkjesta żda kien biss supervisor fuq numru ta’ nies minn kumpanija li ħadmu fuqha. L-espert għamilha ċara wkoll li mhux se jibqa’ jikkomunika mal-Qorti Maltija. Fid-dawl ta’ dan l-Imħallef ordnat li O’Donnell jikkonferma permezz ta’ affidavit il-kontenut tal-email li bagħat u jindika ma’ liema kumpanija kien jaħdem.

L-espert Ron McCormick li ntalab permezz ta’ email sabiex jixhed fis-seduta tal-lum, ma ta ebda tweġiba u għalhekk ma xehedx. L-Imħallef Grima mbagħad qalet li l-Qorti ma tistax tagħmel kuntatt mal-espert Stephen Clarke għaliex m’għandha ebda indirizz tiegħu. Hemm diffikultà wkoll biex isir kuntatt mal-esperti Darran McLaughlin u Patrick James Anderson li waqfu jaħdmu fuq l-inkjesta meta kienet għadha mhux lesta għaliex biddlu l-impjieg.

L-Avukat Alex Scerri Herrera staqsa kif jista’ jkun li ma jeżisti ebda indirizz ta’ dawn in-nies, meta kienet il-Qorti stess li ħatrithom bħala esperti fl-inkjesta. 

Is-seduta li jmiss se ssir fis-27 ta’ Novembru fejn se jkun qiegħed jixhed l-Avukat tal-iStat Dr Chris Soler.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport