Saturday, February 1, 2025

Jeremy Harbinson jerġa’ ma jweġibx għas-sejħiet tal-Qorti … il-kumpanija tiegħu tħallset €11-il miljun għar-rapport tal-inkjesta Vitals

Aqra wkoll

Meta lberaħ kompliet tinstema’ l-kawża dwar ordnijiet ta’ ffriżar b’rabta mal-inkjesta Vitals, ma seta’ jsir kuntatt bl-ebda mod mal-espert Irlandiż Jeremy Harbinson li kkordina l-investigazzjoni kollha f’din l-inkjesta, bil-għan li jixhed b’mod virtwali. Dan minkejja li kien huwa stess li talab li jixhed virtwalment minflok li jkun preżent fiżikament fl-awla. Fl-istess ħin minħabba li s-seduta bdiet fid-9.00 a.m., Harbinson suppost illi kien ilu iktar minn siegħa jistenna meta l-Qorti ppruvat tagħmel kuntatt miegħu.

Madankollu minkejja t-tentattivi kollha li saru, u li involvew nies differenti u li ħadu tul ta’ ħin konsiderevoli, l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals baqa’ ma tfaccax. L-Imħallef Edwina Grima, li quddiemha qed tinstema’ l-kawża, qalet li Harbinson ma jridx jwieġeb għat-talbiet li kienu qed isirulu biex jidħol jixhed virtwalment u ddeplorat dan l-aġir.

Meta l-Imhallef staqsiet lill-avukati difensuri jekk ridux li jissejħu biex jagħtu x-xhieda tagħhom esperti ohra li ħadmu fuq l-inkjesta, l-avukat Vincent Galea li qed jidher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li huwa jixtieq li l-ewwel xhud ikun Jeremy Harbinson bħala l-bniedem li kien responsabbli mir-rapport tal-inkjesta u li ffirmah.

F’mument minnhom l-avukati difensuri staqsew jekk l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew il-pulzija kellhomx mod kif isir kuntatt ma’ Harbinson, bl-avukat Francesco Refalo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jwieġeb li huma qatt ma tkellmu mal-esperti. Sar ukoll suġġeriment biex il-Qorti tistaqsi lil Sam Sittlington, espert ieħor Irlandiż, li kien qiegħed jistenna sabiex jixhed ukoll virtwalment, setax jagħmel kuntatt huwa ma’ Harbinson iżda baqa’ ma ġara xejn.

Il-kumpanija ta’ Jeremy Harbinson thallset €11-il miljun għar-rapport tal-inkjesta Vitals li damet għaddejja ħames snin u li kienet ippublikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda. Wara li tħallas, Harbinson xolja l-kumpanija.

Fil-bidu tas-seduta l-avukat Edward Gatt fakkar kif il-Qorti f’Novembru li għadda kienet ordnat li x-xhieda fis-seduta li kien imiss kellhom jiġu jixhdu fiżikament fl-awla tal-Qorti. Madankollu qabel ma bdiet is-seduta tal-bieraħ id-difiża kienet informata li f’Diċembru saru rikorsi biex żewġ xhieda – Jeremy Harbinson u Sam Sittlington – jixhdu virtwalment.

L-avukat Gatt qal li l-Qorti laqgħet it-talbiet li saru meta d-difiża ma ġietx mitluba sabiex tagħti l-pożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra esperta oħra Miroslava Milenovic bagħtet email, li huwa ddeskriva bhala preokkupanti, fejn ddikjarat li trid gwida tal-Qorti meta se twieġeb il-mistoqsijiet li jsirulha, għaliex għaddejja investigazzjoni mill-pulizija fil-konfront tagħha. L-avukat Gatt saħaq li f’każ daqstant sensittiv l-esperti għandhom ikunu fiżikament fl-awla kif jagħmel kulħadd.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li Harbinson qed jgħid li għandu problemi personali meta kienu huwa li ħoloq problemi personali lil ħafna nies u issa ma jridx jigi jixhed. L-avukat Galea rrimarka li l-esperti talbu li jitħallsu anki meta kienu jkunu fuq l-ajruplan jivvjaġġaw iżda issa ma jridux jersqu lejn Malta biex jixhdu.

L-Avukatessa Gianella De Marco qalet illi kieku hija kienet waħda mill-esperti kienet tieħu gost meta tintalab mill-Qorti biex tispjega xogħolha u mhux taħrab kif qed jagħmlu l-esperti fl-inkjesta Vitals. Saħqet ukoll li Jeremy Harbinson kien fid-dover li jipprovdi ċertifikati mediċi biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ preżenza tiegħu fl-awla hekk kif l-akkużati qed jintalbu li jagħmlu meta jkunu indisposti. L-Avukatessa saħqet li d-drittijiet tal-akkużati qed isiru rrilevanti.

Min-naħa tagħha l-Imhallef Edwina Grima qalet li d-deċiżjoni li l-esperti jixhdu virtwalment bl-ebda mod ma tfisser li qed iċċaħħad lill-akkuzati mid-dritt tagħhom li jikkontestaw l-ammissibilità u l-kompetenza tal-esperti barranin. Dan iżda kompliet l-Imħallef, għandu jsir quddiem il-forum kompetenti u mhux fil-proċeduri li hemm quddiemha.

Qabel ma sar it-tentattiv biex Jeremy Harbinson ikun jista’ jixhed virtwalment, tela’ jaghti x-xhieda tiegħu s-Supretendent Hubert Cini li għall-mistoqsijiet tal-Avukatessa Gianella De Marco dwar jekk l-akkużati qatt ġewx investigati dwar x’daħal fil-kontijiet bankarji tagħhom,  ix-xhud qal li huma ħarġu l-akkużi fuq il-bazi ta’ dak li kien hemm fl-inkjesta u ma saru ebda verifiki ulterjuri. Għal iktar mistoqsijiet huwa qal li l-pulizija ma setgħetx tinvestiga għaliex fl-ebda ħin ma kellha aċċess għal x’kien qiegħed jiġri fl-inkjesta.

Is-seduta ġiet differita għall-Erbgħa 12 ta’ Frar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport