L-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals l-Irlandiż Jeremy Harbinson iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti fuq il-bażi tar-rapport li fi kliemu stess huwa kkordina x-xogħol kollu fuqu. Dan joħroġ minn affidavit li ppreżenta fil-Qorti l-istess Harbinson, datat 10 ta’ Frar. Il-kumpanija tiegħu kienet tħallset €11-il miljun għal dan ir-rapport.
Harbinson iddikjara li r-rapport li ħejjew huwa u l-esperti tiegħu qatt ma semma akkużi kriminali u freezing orders u żied li fuq din il-bażi, huwa m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi kriminali u l-freezing orders li nħarġu wara l-inkjesta. Fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, li issa l-espert Irlandiż ma jridx ikollu x’jaqsam iktar miegħu, ħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
L-espert Irlandiż qal illi f’Lulju 2024 sar kuntatt miegħu biex jassisti fil-proċeduri kriminali li kienu nbdew iżda huwa wieġeb li ma kienx disponibbli biex ikun involut iktar. Harbinson saħaq li huwa ma kellu ebda obbligu kuntrattwali biex jipprovdi iktar assistenza. Żied illi matul l-inkjesta ħadd ma indikalu li wara li kien se jintemm il-kuntratt li kellhom huwa u l-esperti barranin l-oħra, kienu se jintalbu sabiex jipprovdu s-servizz tagħhom mingħajr ħlas. Dan kien ikun inaċċettabli.
Harbinson qiegħed jgħid li r-rapport tal-inkjesta Vitals kellu jkun lest f’Ġunju 2023 u l-pjan tiegħu kien li jirtira f’dak ix-xahar. Fi kliemu iżda t-tim ta’ esperti li ħadem fuq l-inkjesta kellu bżonn ta’ iktar żmien. Harbinson li stqarr li xogħlu kien dak ta’ project manager u m’għamel ebda analiżi tad-dokument u l-informazzjoni li inġabret, jgħid li huwa baqa’ disponibbli matul il-perjodu ta’ wara Ġunju 2023. Meta r-rapport tlesta f’April 2024 u l-inkjesta ngħalqet ix-xahar ta’ wara, huwa ċeda l-liċenzja ta’ accountant forensiku u beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija Harbinson Forensics.
Fl-affidavit, Harbinson jgħid illi r-rapport li huwa u l-esperti li kellu miegħu, ħadmu fuqu, kien maħsub biss biex jintuża fl-inkjesta. Saħaq illi mill-esperjenza huwa kien jistenna li jintalab permess sabiex ir-rapport tagħhom jintuża għal skopijiet oħra, permess li iżda skont huwa qatt ma intalab.
Harbinson saħaq illi kien jistenna illi jekk mill-inkjesta kien se jirriżulta li kien hemm il-ħtieġa li jinbdew proċeduri kriminali, il-pulizija u l-prosekuturi f’Malta kellhom jikkonsultaw lill-esperti barranin u għal dan ix-xogħol kienu jitfasslu kuntratti kummerċjali ġodda ma’ dawn l-esperti. Bil-għan ikun, kompla l-espert Irlandiż, li jsiru rapporti ġodda fuq il-persuni akkużati. Dan kollu wara li l-inkjesta damet għaddejja ħames snin.
Fl-affidavit imbagħad Harbison isemmi żewġ raġunijiet li minħabba fihom ma jridx li jkun involut fil-proċeduri li għaddejjin. L-ewwel raġuni hija dik li qal li qatt mhu se jiġi lura Malta għaliex qiegħed jibża’ għas-sigurtà tiegħu.
Imbagħad reġa’ semma l-kundizzjoni medika serjissima ta’ martu u qal li l-pressjoni li qed issirlu minn Malta biex ikun involut fil-proceduri li għaddejjin fil-Qorti qed jaffettwaw is-saħħa mentali tiegħu u ta’ martu, tant li skont huwa kellhom bżonn ħafna konsulti mediċi fl-aħħar ġimgħat. F’nota oħra li ppreżenta fil-ġimgħat li għaddew fil-Qorti l-espert Irlandiż kien qal li t-tobba kienu informawh li l-kundizzjoni ta’ martu mhix waħda serja tant li kienu tawh appuntament għal sitt ġimgħat wara.