Thursday, March 13, 2025

Jeremy Harbinson jibqa’ jirrifjuta li jixhed

Aqra wkoll

L-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson reġa’ rrifjuta stedina li saritlu mill-Imħallef Edwina Grima biex jixhed fil-kawża li qed issir dwar ordnijiet ta’ ffrizar tal-assi. 

Dan qalitu l-Imħallef Grima nnifisha fil-bidu tas-seduta tal-bieraħ b’rabta ma’ din il-kawża. L-Imħallef Grima qalet li hija se tibqa’ tinsisti li Harbinson jixhed u jekk se jibqa’ ma jaċċettax l-inviti li qed jirċievi mill-Qorti, se jintużaw l-ittri rogatorji bl-assistenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiż fejn jgħix l-espert Irlandiż. 

L-Imħallef Grima qalet li kienet qed tieħu konjizzjoni ta’ nota ppreżentata mill-Avukati tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u tal-lista ta’ xhieda indikati fl-istess nota illi qed jintalbu li jixhdu. 

L-Avukat Vince Galea li qed jidher għal Dr Muscat indika s-sekwenza ta’ kif id-Difiża tixtieq li x-xhieda jixhdu. L-ewwel xhud se tkun il-kontrollur finanzjarju tal-aġenzija għas-servizzi tal-Qorti segwit bix-xhieda ta’ numru ta’ esperti, bl-aħħar tnejn ikunu l-Irlandiż Sam Sittlington u s Serba Miroslava Milenovic. L-avukat Galea żied li d-difiża bl-ebda mod ma hija tirrinunzja d-dritt li wara dawn ix xhieda, jintalab jixhed Jeremy Harbinson.

L-Imħallef Grima laqgħet it-talba tal-Avukat Galea u ordnat li jinstemgħu x-xhieda indikati fl-ordni mitluba.

Fis-seduta li jmiss fil-21 ta’ Marzu se tixhed biss il-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti sabiex tesebixxi l-fatturi kollha li ntbagħatu mill-esperti lil din l-aġenzija. 

L-Imħallef Grima qalet li jekk saru xi ħlasijiet komplessivi fejn kienu involuti pagamenti in konnessjoni ma’ inkjesti oħra, il-kontrollur finanzjarju għandha tindika unikament il-pagament li jkun sar inkonnessjoni mal-inkjesta tal- isptarijiet u lil liema espert sar il-ħlas.

Il-kontrollur finanzjarju qed tintalab tindika wkoll jekk ġiex iffirmat kuntratt mal-esperti u jekk fl-affermattiv tesebixxi kopja ta’ dan il-kuntratt, u jekk inhu magħruf għaliha tindika l-involviment ta’ kull espert f’din l-inkjesta.

L-esperti se jkun qed jintalbu jagħtu x-xhieda tagħhom f’seduta fit-8 t’April. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport